Filmat: “Il-Gvern ma jistax jaħdem waħdu biex isewwi r-reputazzjoni” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lis-soċjetà ċivili, lill-midja, il-ġurnalisti u l-partiti biex ikomplu jkunu protagonisti sabiex flimkien mal-Gvern u mal-Oppożizzjoni, Malta ssib triqitha lura lejn in-normalità.

Hu u jindirizza lill-midja, l-unjins u l-korpi kostitwiti preżenti għar-riċeviment organizzat mill-Partit Nazzjonalista għas-sena l-ġdida, Delia qal li jeħtieġ li kulħadd jagħti sehmu biex Malta terġa’ tibni r-reputazzjoni tagħha. Qal li din ir-responsabbiltà taqa’ f’ħoġor kulħadd.

Delia semma wkoll il-ħtieġa li Malta terġa’ tibni l-istituzzjonijiet, il-ħarsien tas-saltna tad-dritt u s-separazzjoni tal-poteri.

Delia rringrazzja lil dawk preżenti tal-parteċipazzjoni tagħhom waqt l-avvenimenti li spikkaw fi tmiem l-2019.

“Din l-aħħar ġenerazzjoni li tista’ tiġġieled it-tibdil fil-klima”

Fl-indirizz tiegħu lill-korpi diplomatiċi f’riċeviment ieħor, Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qed jiġġieled kontra Gvern ħażin u kontra l-korruzzjoni li wasslet għa-reżenja ta’ Joseph Muscat.

Stqarr li l-Oppożizzjoni beħsiebha tkompli taħdem u ssejjaħ għall-governanza tajba u għal Gvern nadif. In-nies fil-Gvern għandhom ikunu ta’ eżempju, qal Delia, u dawk li għandhom uffiċċju pubbliku jrid ikollhom amministrazzjoni nadifa, peress li d-dehra ta’ Malta barra minn xtutna trid terġa’ lura għal li kienet.

Apparti dan, Delia tkellem ukoll fuq l-importanza li tingħata attenzjoni u s-serjetà meħtieġa lit-tibdil fil-klima, peress li din hi l-aħħar ġenerazzjoni li tista’ tieħu pass biex l-affarijiet jinbidlu.

Semma li l-Parlament iddikjara emerġenza fil-klima grazzi għall-inizjattiva tal-Oppożizzjoni.

Filmat: Sephora Francalanza