Filmat: “Il-Gvern ma baqax jagħtina €70,000 fis-sena” – President, Moviment ta’ Kana

Il-President tal-Moviment ta’ Kana Dr Arthur Galea Salomone rrimarka li fl-2016 il-Gvern waqqaf mingħajr ma ta raġuni, is-€70,000 li kien jagħti f’għajnuna kull sena lill-Moviment ta’ Kana.
Dan qalu waqt intervista fuq il-programm Follow Up fuq RTK 103FM.
Dr Galea Salomone insista li jekk il-Gvern vera jemmen li l-familja hija ċ-ċentru u pilastru fis-soċjetà, hemm bżonn li juri dan bil-fatti u mhux bil-kliem, billi jagħti l-għajnuna neċessarja lil dawk li volontarjament jaħdmu sabiex isaħħuha.
Fisser kif fl-aħħar snin il-Moviment kellu jaqdef għal rasu sabiex isib fondi biex jaħdem, u għalhekk saru xi proġetti li għalihom setgħu japplikaw għall-fondi, fejn irnexxielhom jakkwistaw madwar €25,000.
Waqt il-programm, Galea Salomone stqarr li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-Gvern dwar għaliex l-aħħar sussidju ngħata għall-2015.
Il-President tal-Moviment ta’ Kana qal ukoll li l-Moviment għaddej bl-operat tiegħu grazzi għall-volontiera tiegħu li bejniethom jagħtu iżjed minn 12,000 siegħa fis-sena.
Waqt l-omelija tal-funeral ta’ Mons. Charles Vella, il-fundatur tal-Moviment ta’ Kana, l-Arċisqof Charles Sciculna saħaq li l-Knisja impenjata li tkompli fejn beda hu.
Mons. Scicluna stqarr li fejn ma jasalx l-istat “għax m’għandux fondi biex jissapportja l-Moviment ta’ Kana, nidħlu aħna biex insostnu din ir-realtà“. Insista li l-Knisja qatt mhu se tħalli lill-Moviment ta’ Kana nieqes minn dak li għandu bżonn biex ikompli bl-operat tiegħu, “anke fejn min għandu prijoritajiet oħra m’għandux biex jissapportjah”.