Filmat: “3 skużi biex il-Gvern jibni gżira artifiċjali”

Il-Membru Parlamentari għall-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia sostna li huwa impossibbli li ma tinbeniex gżira artifiċjali minħabba tliet fatturi, l-iskart tal-kostruzzjoni li qed jintrema ta’ kuljum, il-proġett tal-Grupp db u l-proġett tal-mina.

F’intervista ma’ Sylvana Debono waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM, Farrugia fakkar kif lura fl-2013, meta l-Prim Ministru Joseph Muscat, li dak iż-żmien kien għadu Kap tal-Oppożizzjoni, kellu laqgħa mal-iżviluppaturi fejn fost l-oħrajn ġie diskuss il-bżonn ta’ riklamazzjoni tal-art. Farrugia spjega kif din mhix xi ħaġa ġdida għall-pajjiż hekk kif diġà kien hemm okkażżjonijiet fejn xi ħaġa tat-tip saret bħall-estensjoni tal-Freeport.

Madanakollu semma kif filwaqt li fi proġetti passati saret biss estensjoni żgħira tal-art, ir-referenza hawn hija għal gżira ġdida li fuqha jgħixu n-nies. Sostna li biex tasal għal deċiżjoni tat-tip irid ikollok ekonomija b’saħħitha għax proġett massiv tat-tip jiswa l-flus. Qal li hemm bżonn ukoll li wieħed iħares lejn l-element abitabbli tagħha, lejn il-flora, il-fawna u anke l-ħut, kif ukoll il-post fejn se ssir. Spjega li trid tkun ukoll “project driven” u jkollok ammont ta’ skart.

Farrugia insista li l-Gvern wasal f’punt fejn qed iħalli lill-iżviluppaturi jagħmlu li jridu bl-iskart tal-kostruzzjoni, fejn hemm il-proġett tal-Grupp db li se jkun qed jiġġenera ammont kbir ta’ skart fi żmien sena u hemm il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex. Sostna li l-iskart irid jintrema x’imkien minkejja li skontu l-iskart qed “joħnoqna” u “qed ngħerqu fih”. Insista li dawn il-proġetti se jintużaw mill-Gvern bħala skuża li hemm bżonn ta’ gżira artifiċjali.