Filmat: Il-Gvern jgħid li se japplika r-riformi meħtieġa “‘b’mod ġenerali”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern jaqbel u beħsiebu jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li ngħataw mill-Kummissjoni Venezija li jinkludu rakkomandazzjonijiet biex jonqoslu l-poter il-Prim Ministru. Fost affarijiet li ssemmi l-Kummissjoni Venezja hemm li l-proposti għall-ħatriet tal-ġudikatura għandhom jingħataw lill-President mill-Kumitat tal-Ħatriet Ġudizzjarji, kif ukoll li l-Membri Parlamentari għandhom ikollhom salarju u ħaddiema biex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom. Il-Kummissjoni rrakkomandat li għandu jkun hemm regoli iktar stretti dwar ħatriet ta’ membri parlamentari fuq kummissjonijiet pubbliċi.

Il-ġimgħa li għaddiet il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi magħrufa bħala l-Kummissjoni Venezja, saħqet dwar il-bżonn ta’ iktar bilanċi u kontrolli biex jiġi żgurat li l-liġi tiġi rispettata f’Malta. Il-Kummissjoni hi l-bord konsultativ tal-Kunsill tal-Ewropa dwar affarijiet kostituzzjonali.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja rreaġixxew għall-opinjoni tal-Kummissjoni f’filmat qasir. Huwa sostna li l-opinjoni tal-Kummissjoni  kienet waħda pożittiva għall-Gvern. Saħaq li l-istrutturi li dwarhom tkelmet il-Kummissjoni huma strutturi li ġew stabiliti żmien ilu u li l-Gvern wiret.

Huwa spjega li fost id-diversi tibdliet li ġew issuġġeriti, jistgħu jsiru malajr permezz ta’ qbil mal-Oppożizzjoni. Wara li ntwera l-filmat, il-Ministru Bonnici spjega li eżempju ta’ dan huwa li jingħata iktar poter kostituzzjonali l-Ombudsman.

Muscat elenka r-rakkomandazzjonijiet li ngħataw mill-Kummissjoni. Fosthom li jiġi stabilit id-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi. Il-Kummissjoni Veneżja qalet li dan għandu jieħu l-poter li għandu l-Avukat Ġenerali biex jibda l-prosekuzzjonijiet u li l-inkjesti maġisterjali għandhom isiru minn dan l-uffiċċju. Id-deċiżjonijiet tad-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi, speċjalment f’każijiet li jagħżel li ma jipproċedix bil-prosekuzzjoni għandhom ikunu suġġetti għar-reviżjoni ġudizzjarja.

Newsbook.com.mt saqsa diversi drabi jekk l-Gvern jikkonfermax li jaqbel ma’ kull punt li qajmet il-Kummissjoni, iżda l-Ministru tal-Ġustizzja ma kkonfermax jekk bħala Gvern jaqblux ma’ kull punt li tqajjem mill-Kummissjoni Venezja. Bonnici saħaq li huma rċevew id-dokument sagħtejn qabel ma’ dan ġie ppubblikat u għaldaqstant ma kienx hemm ċans li ssir kommunikazzjoni ma’ kulħadd. Huwa sostna li jaqblu b’mod ġenerali. Meta mistoqsi dwar il-prijoritajiet, huwa saħaq li għadu kmieni wisq biex ikun hemm lista ta’ prijoritajiet iżda ċertu proposti jistgħu jidħlu fis-seħħ wara diskussjoni filwaqt li oħrajn se jkollhom bżonn perjodu tranżitorju.