Filmat: “Il-Gvern iwaqqaf l-iskavar; il-Pulizija ma rċevewx struzzjonijiet”

Il-Moviment Graffitti qal fuq Facebook li minkejja li lbieraħ il-Gvern Malti ħabbar li b’effett immedjat il-permessi kollha għat-twaqqigħ u l-iskavar ġew sospiżi b’mod temporanju, kien hemm min baqa’ għaddej b’dan ix-xogħol qisu xejn mhu xejn.

L-għaqda tellgħet fuq Facebook filmat li rċeviet minn persuna li spjegat li f’sit partikolari f’Birkirkara l-iskavar baqa’ għaddej. Qalilhom ukoll li meta ċempel lill-Pulizija, qalulu li ma kellhom l-ebda struzzjonijiet sabiex dan it-tip ta’ xogħol jiġi mwaqqaf.

Aqra: Il-permessi kollha għat-twaqqigħ u l-iskavar ġew sospiżi – Muscat

It-tħabbira ħarġet waqt laqgħa mmexxija mill-Prim Ministru lbieraħ propju wara li ħajt ta’ dar oħra, din id-darba fi Gwardamaġa, waqa’ minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qed isir bieb ma’ bieb magħha. Dan kien it-tielet inċident tat-tip fi ftit inqas minn xahrejn. Il-laqgħa li ssejħet f’Kastilja kien hemm preżenti għaliha l-istakeholders tas-settur tal-kostruzzjoni. Fost dawk preżenti kien hemm il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti, il-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Lenicker, il-Konsulent tal-Gvern Robert Musumeci fost oħrajn.

Aqra: Jiġġarraf ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa

Intant, il-Prim Ministru ħabbar li nhar it-Tnejn se jiġi ppubblikat dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar ir-regoli ġodda, iżda sostna li l-perjodu miftuħ għall-konsultazzjoni huwa biss wieħed ta’ ħamest ijiem.

Aqra: Sospensjoni skavar: Għandha bażi legali?

“Naqblu li l-permessi għandhom jiġu sospiżi” – PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sostna li jaqbel li l-permessi ta’ demolizzjoni u skavar għandhom jiġu sospiżi b’mod temporanju u immedjat. Qal li dan għandu jibqa’ sakemm jidħlu fis-seħħ regolamenti u proċeduri ġodda li b’mod serju, kkordinat u ħolistiku jirregolaw din l-industrija. Tenna li l-Gvern irid jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu u jara li jkun hemm taħriġ kontinwu u adegwat lil kull min hu involut f’dan is-settur, minn professjonisti sa ħaddiema tal-id. Qal li jrid isir liċenzjar u ċertifikazzjoni tal-persuni li jipprovdu s-servizzi relatati mal-industrija, kif ukoll jiġu mtejba l-prattiċi dwar l-immaniġġjar u l-amministrazzjoni ta’ siti tal-kostruzzjoni.

 Aqra: Filmat: “Se nispiċċaw inmorru l-preċett tan-neputija bix-shorts u t-tshirt?” – residenta mbikkma