Filmat: ‘Il-Gvern iħalli s-suq isuq’ – Muscat

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li huwa jħalli s-suq isuq waqt li kien qed jitkellem dwar l-akkomodazzjoni soċjali f’konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn. Kompla jgħid li filwaqt li bħala Gvern iħalli s-suq isuq, dan jintervjeni fejn iħoss li hemm bżonn bħal fil-każ tal-proġett tal- akkomodazzjoni soċjali.

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ħabbar 500 post ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali biex b’hekk se jkun hemm total ta’ 1,700 post ġdid b’dan il-proġett soċjali.

AQRA: 500 appartament tal-akkomodazzjoni soċjali fi 12-il lokalità

Waqt l-intervent tiegħu, il-Prim Ministru qal li li diversi miżuri soċjali huma mibnija filwaqt li wieħed iżżomm l-istabilità ekonomika. Huwa spjega li wieħed ma jistax jgħabbi l-familji b’iktar piżijiet milli tiflaħ. Muscat kompla li t-tieni punt huwa filwaqt li jgħinu lill-persuni għall-akkomodazzjoni soċjali, wieħed ma jistax jippjana biss għas-suq tal-lum.

AQRA: Tisbiħ u rinovar ta’ 5 akkomodazzjoni soċjali fl-Imsida

Muscat sostna li filwaqt skont l-istħarriġ tal-KMPG m’hemmx bużżieqa fis-suq tal-propjetà, instab li s-suq tad-djar saħan iżżejjed, bil-prezzijiet tal-propjetà jiżdiedu b’ritmu mgħaġġel. Kompla jgħid li l-Gvern tgħallem li l-politika u l-miżuri li jittieħdu għandhom ikunu mmirati lejn iċ-ċikli ekonomiċi differenti. Spjega li meta nbidel il-Gvern waħda mir-realtajiet kienet l-ammont ta’ propjetà vojta iżda din issa naqset drastikament minħabba s-suq.

AQRA: Akkomodazzjoni soċjali: 3,300 talba pendenti

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern ma jimxix b’trickle down economics, jiġifieri politika ekonomika fejn it-taxxi fuq in-negozji u dawk iktar sinjuri jiġu mnaqqsa biex ikun hemm iktar investiment fi żmien qasir, iżda ddeskriva l-Gvern bħala wieħed li jħalli s-suq isuq bil-Gvern jintervjeni f’każijiet fejn is-suq ifalli.

‘Postijiet tal-akkomodazzjoni soċjali ġodda ma għandhomx jintirtu’ 

Il-Prim Ministru spjega li l-ammont ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali ġejjin mill-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali liema flus ġejjin mill-bejgħ tal-iskema tal-passaporti se jitla’ minn 500 għal 1000 post. Sostna li €60 miljun minn dal-fond se jiġu investiti f’dan il-proġett.

Muscat qal li bil-proġetti ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali trid titneħħa l-idea li wieħed qisu għandu xi dritt għall-akkomodazzjoni soċjali u li l-Gvern se jkun qed jieħu lura f’idejh postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali ġaladarba wieħed ma jkollux bżonn din l-akkomodazzjoni.

Meta mistoqsi dwar dan minn Newsbook.com.mt kif se tiġi implimentata miżura bħal din, Muscat wieġeb għal dawk li diġà qegħdin f’akkomodazzjoni soċjali din mhux se tkun qed tapplika għalihom, iżda se tapplika għal dawk li se jkunu fil-postijiet il-ġodda. Spjega li jekk persuna tkun f’sitwazzjoni prekarja jew inkella rċieva l-għajnuna tal-istat biex joħroġ mill-faqar, u l-persuna għandhom l-ulied u dawn l-ulied ħarġu minn faqar, allura dawn ma għandhomx ikollhom dritt għall-akkomodazzjoni soċjali b’mod awtomatiku. Sostna li postijiet tal-akkomodazzjoni soċjali ma għandhomx jibqgħu jintirtu f’każijiet ta’ mobilità soċjali.

Muscat jgħid iddispjaċih

Il-Prim Ministru kien mistoqsi dwar dak li qal fid-dibattitu bejn il-mexxejja taż-żewġ partiti politiċi, Muscat bħala l-Mexxej tal-Partit Laburista u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Matul id-dibattitu Muscat kien qal li x-xogħol fix-xemx għandu jingħata lill-barranin, meta mistoqsi dwar il-kummenti li għamel li ġew deskritti bħala mhux dinjitużi mill-ġurnalist, huwa qal li wara li rah jiddispjaċih tal-kummenti li għamel.

AQRA: Muscat b’argumenti razzisti – Graffitti

AQRA: “Ix-xogħol fix-xemx nagħtuh lill-barranin” – Muscat; “M’hemmx inkjesta dwari” – Delia

Il-Partit Nazzjonalista f’risposta għal dak li qal il-Prim Ministru qal li f’lapsus li kellu, il-PM qal “ċar u tond” li m’għandux rispett lejn id-dinjità tal-ħaddiem sew dak Malti u sew dak barrani. Sostna li l-PN se jibqa’ jiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema u jżomm id-dinjità tal-ħaddiema sew dawk tal-id u sew dawk il-professjonisti.

Filmat: Luke Zerafa