Filmat: Il-Grupp Parlamentari tal-PN jerġa’ jiltaqa’ t-Tlieta

Read in English.

Għada t-Tlieta mistennija laqgħa oħra tal-Grupp Parlametari tal-Partit Nazzjonalista wara l-aħħar żviluppi li jikkompromettu l-pożizzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Sorsi mill-Partit Nazzjonalista qalu li l-laqgħa ta’ għada mistennija tkun waħda uffiċjali minħabba li dik tal-bieraħ ma setgħetx tkun uffiċjali għax ma ssejjħitx mill-Kap Nazzjonalista.

Ilbieraħ, għadd ta’ deputati Nazzjonalisti dehru deħlin fid-Dar Ċentrali fil-Pietà fejn kellhom laqgħa li damet għaddejja għal aktar minn erba’ sigħat.

Il-laqgħa bdiet fis-6pm u Newsbook.com.mt huwa infurmat li għaliha pparteċipaw mal-20 deputat bil-Kap Nazzjonalista u membri oħra mit-tmexxija tal-PN daħlu tard għal-laqgħa.

Minkejja li għadd ta’ ġurnalisti nġabbru quddiem id-Dar Ċentrali mis-6pm, ħadd mid-deputati ma’ ta l-kummenti tiegħu wara l-laqgħa. Fl-10.30pm, ħaddiema tal-PN fetħu l-bieb ċentrali iżda l-ebda deputat u lanqas Adrian Delia ma deher ħiereġ mid-Dar Ċentrali.

Il-Ħadd, il-gazzetta The Sunday Times of Malta żvelat chats ta’ Whatsapp li kien hemm bejn Adrian Delia u Yorgen Fenech, l-allegat mandant fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Delia ċaħad li kellu komunikazzjoni “ta’ rilevanza” ma’ Yorgen Fenech. Fiċ-chats żvelati Delia jgħid lil Fenech li kellu jkun Pierre Portelli li jorganizza ikla bejniethom. F’reazzjoni għal din l-aħbar, Adrian Delia qal li jirċievi eluf ta’ messaġġi u ma jfissirx li jkun jaf il-persuni jew ikun ħabib ma’ min jibgħathom.