Filmat: Il-ġonna tad-Dar tal-Kleru jingħataw il-ħajja bit-tħawwil ta’ 1,400 siġra

Read in English.

Wieħed mill-aħħar ġonna f’Birkirkara, dak tad-Dar tal-Kleru, qed jerġa’ jingħata l-ħajja permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u Infrastructure Malta.

Din il-kollaborazzjoni bdiet wara proposta li saret mill-ambjentalist u edukatur sportiv David Azzopardi, li qed jgħin b’mod volontarju fir-riġenerazzjoni ta’ dawn il-ġonna għall-qassisin anzjani u morda.

Il-proġett ikopri 20,000 metru kwadru ta’ art madwar id-Dar tal-Kleru, li Infrastructure Malta bdiet tissapportja din is-sena billi ħawlet 700 siġra taċ-ċipress mad-dawra tagħha. Dawn is-siġar joħolqu kenn għall-kumplament tal-ġonna, li fihom, Infrastructure Malta qed tħawwel 700 siġra oħra, inkluż siġar tal-ħarrub, taż-żebbuġ, tar-rand, tal-ballut, siġar ta’ Ġuda u siġar tal-frott, flimkien ma’ 1,790 arbuxell tal-klin mal-ġnubijiet tal-passaġġi.

Il-periti u l-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta għenu lill-amministrazzjoni tar-residenza tippjana dehra ġdida għall-ġonna sabiex ikunu aktar aċċessibbli għar-residenti. Bħalissa, parti mill-ġonna hi aċċessibbli biss permezz ta’ rampi u passaġġi f’qagħda mhux adekwata.

Apparti hekk, Infrastructure Malta qed tinstalla sistema ġdida ta’ irrigazzjoni u bankijiet ġodda għall-ġonna.

Il-ġonna se jissemmew Laudato Si

Mons. Anton Cassar, id-Direttur tad-Dar tal-Kleru, qal li dan il-proġett se jkompli jtejjeb ħajjet ir-residenti. Huwa rringrazzja lil David Azzopardi u lil Infrastructure Malta tal-inizjattiva.

Ħabbar ukoll li l-ġnien se jissemma Ġnien Laudato Si, għat-tieni enċiklika tal-Papa Franġisku, li fiha jistieden lin-nies kollha biex jieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi, Michael Pace Ross, spjega li l-ġnien eventwalment jista’ jaqdi anke skopijiet edukattivi, biex l-istudenti jitgħallmu fuq siġar indiġeni Maltin, u anke biex jiltaqgħu mal-qassisin anzjani li jkunu ddedikaw ħajjithom biex jgħinu lin-nies.

Pace Ross appella wkoll lill-awtoritajiet biex jieħdu ħsieb il-ftit spazji ħodor u miftuħin li fadal fil-qalba tal-irħula, li għandhom effett pożittiv fuq is-saħħa ta’ kulħadd.

Infrastructure Malta u l-Arċidjoċesi ta’ Malta qegħdin jaħdmu flimkien biex iħawlu aktar siġar f’aktar spazji miftuħin tal-Knisja. Min jixtieq jissuġġerixxi xi post fejn jitħawlu s-siġar jista jagħmel dan fuq sigar.im@infrastructuremalta.com.

filmat: Miguela Xuereb