Filmat: Il-ġimgħa d-dieħla nieħu aktar passi kontra l-korruzzjoni – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal illum li l-ġimgħa d-dieħla se jkun qed jagħmel il-pass li jmiss sabiex ikompli bil-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni fil-Gvern. Hu qal dan permezz ta’ messaġġ li xxandar live fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Partit Nazzjonalista fejn kien qed jirreaġixxa għal dak li ħareġ dwar Malta fir-rapport annwali dwar is-Saltna tad-Dritt tal-Kummissjoni Ewropea.

Propju nhar is-Sibt li ġej, Delia se jkun qed jaffaċċja elezzjoni għall-irwol ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista fejn qed jikkontesta kontra Bernard Grech. Dan ifisser li hemm ċans li Delia ma jibqax imexxi lill-Partit Nazzjonalista wara l-elezzjoni ta’ tmiem din il-ġimgħa.

Fil-messaġġ tiegħu tal-lum, Delia semma sensiela ta’ każijiet ta’ korruzzjoni fosthom il-każ tal-Electrogas, il-kumpaniji ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, il-bejgħ tal-isptarijiet lil Vitals Global Healthcare, u l-bejgħ tal-passaporti fost oħrajn.

Hu tkellem b’mod speċifiku dwar il-kawża li kien fetaħ fuq il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet pubbliċi mogħtija lil Vitals Global Health Care. Din kompliet il-ġimgħa li għaddiet fejn xehed wieħed mill-awdituri fuq il-bord tal-aġġudikatura. Qal li fil-Qorti dan ix-xhud ikkonferma dak li ilu jgħid Delia.

Tkellem ukoll dwar kif wara li ħareġ mill-Qorti għadda ittra fejn spjega x’ħareġ fil-Qorti u talab li tittieħed azzjoni u għaddiha lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, lill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna. Insista li jekk dawn jibqgħu ma jieħdux azzjoni, mela anke huma se jkunu direttament responsabbli.

“Jiena l-ġimgħa d-dieħla se nkompli bl-azzjoni tiegħi u nkun qed nieħu l-passi kollha neċessarji anke wara dan ir-rapport, u n-nuqqas tal-gvern milli jwieġeb, biex naċċerta li dawk li kisru l-liġi ssir ġustizzja,” temm jgħid Delia.

Ilbieraħ il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet li Malta għamel riformi biex issaħħaħ is-saltna tad-dritt filwaqt li qalet li jeħtieġ aktar riformi speċjalment fuq kif jiffunzjona l-Parlament.