Filmat: Il-ġenerazzjoni żagħżugħa qed tiddefendi l-wirt kulturali – Dr Cassar

Read in English.

Il-psikologa Dr Anna Cassar spjegat ma’ Newsbook.com.mt li tammira l-ġenerazzjoni ż-żgħira talli qed titkellem sabiex tiddefendi s-siġar u l-wirt kulturali Malti.

Hi u titkellem dwar għalqa li mistennija ssir parti mill-proġett tas-Central Link qalet li qed tibża’ li l-ġenerazzjonijiet il-kbar spiċċaw draw u bħal propju qisu sar proċess naturali għall-iżvilupp fil-pajjiż. Qalet li l-passi taż-żgħażagħ qanqlu fiha tama ġdida għall-futur tal-pajjiż fejn jidħlu l-ispazji mħaddra.

Aqra: Il-proġett tas-Central Link inkwetanti għas-saħħa tal-Maltin – psikologa

Il-psikoloġista kienet tkellmet ma’ Newsbook.com.mt dwar l-importanza tas-siġar u n-natura sabiex wieħed itejjeb numru ta’ kundizzjonijiet mentali u anke fiżiċi bħad-dipressjoni u l-mard tal-qalb. L-intervista magħha ġiet wara messaġġ tagħha fuq il-media soċjali fejn emfasizzat il-problemi fis-saħħa li jġibu magħhom proġetti infrastrutturali ambizzjużi bħal dak tas-Central Link.

Riċerka Konsistenti

L-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali titlob għal aktar attenzjoni dwar l-impatt tal-iżvilupp, l-iffullar ta’ residenti fil-pajjiż, u n-nuqqas ta’ spazji mħaddra fuq is-saħħa mentali tal-popolazzjoni. L-istrateġija titlob għal aktar kuxjenza u konsiderazzjoni tas-saħħa mentali fejn jidħol l-ippjanar tal-iżvilupp urban.

Aqra: Filmat: Central Link: “Is-siġar jgħinuna psikoloġikament” – psikologa

Meta mistoqsija dwar dan l-ispunt mill-istrateġija, Dr Cassar qalet li tittama li din tiġi implementata. Spjegat li kien hemm riċerka konsistenti li turi  l-impatt li jitħalla fuq persuna li tgħix viċin ta’ spazji mħaddra. Meta jkun hemm ammont akbar ta’ spazju mħaddra, jkun hemm livell aħjar ta’ saħħa tal-bnedmin.

Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, l-aċċess għal spazji mħaddra jista’ jnaqqas l-inugwaljanzi fis-saħħa tal-bnedmin, isaħħaħ il-benessri taghom u jgħin fit-trattament għal problemi tas-saħħa mentali. Xi analiżi tissuġġerixxi li l-attività fiżika f’ambjent naturali tgħin ukoll fejqan minn dipressjoni u jnaqqas l-indikaturi fiżjoloġiċi ta’ stress.

Aqra: Il-Gvern jipproponi aktar PE fl-iskejjel

Dr Cassar għamlet referenza għal rapport li ħareġ fl-2010 fejn spjegat li kien hemm korrelazzjoni b’saħħitha bejn żoni urbani u ffullati u każi akbar ta’ psikożi. Ir-rapport bit-titlu ‘Socio-economic status and population density risk factors for psychosis: prospective incidence study in the Maltese Islands,’ juri li d-distrett tan-Nofsinhar tal-pajjiż għandu l-akbar għadd ta’ persuni li għaddew minn psikożi, 32.1% għal kull 100,000 persuna. Warajh kien hemm id-distrett tat-Tramuntana tal-pajjiż fejn l-għadd kien ta’ 28.3% għal kull 100,000 persuna.