ESKLUSSIVA bil-filmat: Il-futbol isir il-pulptu tiegħu

Il-ħajja mimlija sorpriżi u qatt ma tista’ timmaġina x’hemm lest għalik. Philip Mulryne, meta kien jilgħab ma’ Manchester United, żgur li qatt ma bassar li kien se jsir saċerdot.
Newsbook.com.mt żar il-kunvent antik u storiku tal-Patrijiet Dumnikani fir-Rabat, fejn Patri Philip qed iqatta’ xi jiem ta’ mistrieħ.
Mistoqsi dwar kif minn plejer ma’ tim bħal Manchester United spiċċa Patri Dumnikan, Patri Philip wieġeb biss li issa jħossu f’postu u qalbu mimlija.
Patri Philip qal li f’karriera ta’ 13-il sena futboler irnexxielu jakkumula ftit tal-ġid mhux ħażin, iżda dejjem ħass xi ħaġa vojta f’ħajtu.
Kien hawn li fl-2009 iddeċieda li jieqaf mill-futbol u jirritorna lura l-Irlanda fejn beda jsaqsi aktar mistoqsijiet profondi dwar il-fidi.
Irrakonta kif daħal fil-Leġjun ta’ Marija, kien qed jagħmel volontarjat u wara tnax-il sena reġa’ beda jitlob ir-rużarju u jmur il-quddies. Kien hawn li beda jħoss is-sejħa li jsir saċerdot.
“Il-fidi tagħtik ħafna aktar milli jista’ jagħtik kwalunkwe ġid u l-affarijiet kollha li jiġu u jmorru,” qal Patri Philip.
Mistoqsi dwar jekk għadux iħobb u jipprattika l-futbol, Mulyrne qal li bħala student Dumnikan kien baqa’ jilgħab il-futbol ma’ tim Irlandiż.
Filfatt, spjega li għadu jippratika l-futbol mhux biss bħala passatemp u eżerċizzju, iżda wkoll bħala mod kif jilħaq aktar lin-nies speċjalment liż-żgħażagħ.
Saħaq li l-futbol jgħallmek diversi valuri. Fost dawn semma d-dixxiplina u s-sagrifiċċju u qal li dawn huma valuri importanti biex Nisrani ipoġġi fil-prattika l-fidi tiegħu.
Dwar Manchester United, Patri Mulryne qal li għadu jikkomunika ma’ ħafna persuni mit-tim, l-aktar ma’ dawk li jaħdmu minn wara l-kwinti u wħud minnhom marru wkoll l-ordinazzjoni tiegħu. Qal li jinsab kuntent li anke dawn qed jindunaw bid-differenza li seħħet fih u qed jistaqsu għalfejn.
Liż-żgħażagħ kollha li jħobbu l-futbol u għal dawk li qed jikkunsidraw il-vokazzjoni għas-saċerdozju, Fr. Philip qalilhom li l-fidi ma ttelfekx milli tagħmel l-affarijiet li tħobb.
“F’kull ħaġa li tagħmel, anke jekk tilgħab il-futbol, tista’ ddaħħal il-fidi.”
Intant nhar il-Ħadd li ġej, Patri Philip Mulyrne se jkun qed iqaddes fil-Knisja tad-Dumnikani r-Rabat, fil-11:15am.

Filmat: Ian Noel Pace