Filmat: Il-ftehim tal-Vitals jimmerita li jiġi revokat – direttur ta’ Nexia BT

Read in English.

Direttur tad-ditta ta’ konsulenza Nexia BT qal li l-ftehim li l-Gvern Malti ffirma mal-Vitals Global Healthcare jimmerita li jiġi revokat.

Skont rappurtaġġ mit-Times of Malta mill-Qorti, Emanuel Castagna llum xehed fil-kawża li kien fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia dwar l-isptarijiet. Il-Kap Nazzjonalista jrid li l-isptarijiet ta’ Għawdex, ta’ Karin Grech, u ta’ San Luqa jingħataw lura lill-pubbliku. Castagna kien wieħed mill-membri tal-kumitat tal-għażla għall-preferred bidder.

Castagna xehed li ma kien hemm xejn susepttuż dwar il-fatt li l-Vitals ġiet reġistrata ġimgħa qabel ma ssottomettiet il-proposta tagħha. Qal li l-viabilità tal-proġett kienet ibbażata fuq għadd ta’ suppożizzjonijiet, inkluż li jiġu attirati turisti mediċi.

Ir-rapport li tħejja mill-kumitat li Castagna kien membru tiegħu kkonkluda li l-Vitals kellha s-setup ideali. Castagna qal li din kienet biss rakkomandazzjoni u li l-Gvern seta’ jħassar il-ftehim. Caħad li l-Gvern kien għażel lill-Vitals mill-bidu.

Xehed ukoll James Camenzuli li sa Mejju kien il-Kap Eżekuttiv ta’ Projects Malta. Camenzuli issa huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ Projects Plus. Camenzuli kien iċ-Chairperson tal-kumitat tal-għażla.  

Mistoqsi mill-avukat Edward Debono dwar kif setgħu jagħmlu analiżi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-bidders mingħajr due diligence, Camenzuli qal li xogħolhom kien li jevalwaw il-bidders skont ir-request for proposal (RFP).

Mistoqsi dwar jekk evalwawx is-sitwazzjoni ta’ Ram Tumuluri li kien il-kap tal-Vitals, Camenzuli qal li xogħlu kien li jevalwa l-bid u mhux il-persuni. Qal li skopra dwar il-falliment tiegħu fil-Kanada mill-midja. Xehed ukoll li ma kienx jaf li l-kumpanija Vitals kienet il-kumpanija magħżula mill-Gvern minn qabel.

Il-każ mistenni jkompli f’Settembru.

Delia, li huwa wkoll avukat, kien preżenti waqt is-seduta tal-lum u għamel għadd ta’ mistoqsijiet lil dawk li telgħu jixhdu.

F’kummenti mal-midja wara s-seduta, Delia qal li l-bord tal-għażla li suppost kellu jara li l-isptarijiet ikunu se jitmexxew bl-aqwa mod ma għamel ebda investigazzjoni fuq in-nies jew il-kumpanija wara l-proġett.

“Ma sar ebda due diligence ta’ xejn fuq il-kumpanija, fuq in-nies, wara dan il-proġett,” saħaq Delia. Kompla jgħid li l-bord ma aċċetax li l-kumpanija kellha s-saħħa finanzjarja biex twettaq il-proġett. Spjega li s-saħħa tal-kapital tal-Vitals kien ta’ €1,000. Spjega li x-xhieda tal-lum damet sagħtejn.