Filmat: Il-ftehim mal-FKNK se jifformalizza dak li ilu mit-tmeninijiet – Il-Ministru

Read in English.

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li l-ftehim mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti biex dawn jieħdu ż-żoni tal-Miżieb u l-Aħrax f’idejhom se jifformalizza dak li diġà jsir, peress li l-FKNK ilha tieħu ħsieb dawn iż-żoni mit-tmeninijiet.

Hu jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fuq is-suġġett, il-Ministru qal li ntgħażlet l-FKNK għal dan ix-xogħol peress li għamlet biċċa xogħol tajba tul is-snin li għaddew.

Borg spjega li jsiru diversi talbiet għall-artijiet, pereżempju mingħand għaqdiet bħall-BirdLife u Ramblers Association. Qal li kulħadd ikollu l-iskop tiegħu, u l-iskop tal-FKNK f’dal-każ huwa li tifformalizza dak li ilha tagħmel għal snin, li tieħu ħsieb dawn iż-żoni fil-Mellieħa.

Stqarr li l-ftehim mhuwiex wieħed sigriet, għall-kuntrarju ta’ dak li qegħdin jgħidu ħafna NGOs u attivisti, u li ladarba jiġi ffirmat, dan se jkun ippubblikat. Fil-fehma tal-Ministru, dan il-ftehim mhu se jibdel xejn essaċċ għaliex il-pubbliku xorta waħda se jkollu aċċess għall-Miżieb u l-Aħrax, iżda, xorta waħda fi żmien il-kaċċa ma jistgħux imorru nies hemmhekk. Permezz ta’ dan il-ftehim, ittra li hemm mill-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici mis-snin tmenin, se tiġi formalizzata.

Il-Ministru qal li l-FKNK mhux se tieħu flus ta’ dan ix-xogħol. Hu rringrazzja lill-kaċċaturi tax-xogħol li wettqu tul is-snin, u wera solidarjetà magħhom għal meta sar vandaliżmu pereżempju meta kien hemm ħruq is-sena li għaddiet li fih inqerdu eluf ta’ siġar.

Huwa qal ukoll li fil-jiem li ġejjin se jkun hemm aħbarijiet pożittivi għal entitajiet oħrajn li qed itolbu biex ikabbru r-riżervi jew iridu xi post storiku.

Fi stqarrija llum, l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku sejħu l-għoti tal-Miżieb u l-Aħrax lill-kaċċaturi “eżerċizzju ieħor ta’ xiri ta’ voti minn partit li biddel lilu nnifsu f’organizzazzjoni opportunista, mingħajr prinċipji u bla sens ta’ mistħija ta’ xejn.”

L-aħbar li fil-jiem li ġejjin il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia se jagħtu ż-żoni tal-Miżieb u l-Aħrax fil-Mellieħa lill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qajmet rabja kbira fost l-attivisti, l-ambjentalisti u l-pubbliku inġenerali.

Intant, inbdiet ukoll petizzjoni sabiex dan il-ftehim jitwaqqaf. Moviment Graffitti, li bdieha, jgħid li l-Aħrax hi l-unika żona legali għall-ikkampjar f’Malta. Jgħid ukoll li ppruvaw jużaw id-djalogu permezz ta’ koalizzjoni ta’ aktar minn 60 organizzazzjoni, u b’petizzjoni ta’ aktar minn 10,000, iżda dawn waqgħu fuq widnejn torox.

Madankollu, huma xorta waħda jridu jressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom.

Tista’ tiffirma l-petizzjoni hawn.