Filmat: Il-Fosos dalwaqt ‘jitriegħdu’ bil-vuċi ta’ Calleja, Baglioni u Lewis

Id-dawl, il-ħoss, is-siġġijiet, l-orkestra nazzjonali, il-Fosos tal-Furjana u fuq kollox Joseph Calleja, jinsabu lesti biex għada jilqgħu lill-mijiet ta’ Maltin li se jattendu għall-kunċert annwali tat-Tenur Malti.
Tard ilbieraħ filgħaxija kull min għadda mill-Furjana seta’ jisma’ lil Calleja u lil Leona Lewis jippruvaw il-kanzunetti għall-kunċert.
Illum mistenni jasal ukoll f’Malta t-Taljan Claudio Baglioni li fl-2010 kien aċċetta li jkanta ma’ Calleja iżda minħabba impenji personali kellu jħassar il-vjaġġ lejn Malta u minfloku ġie Riccardo Cocciante.
Joseph Calleja se jkanta wkoll maċ-ċkejkna Federica Falzon, li l-ħolma tagħha minn dejjem kienet li xi darba jkollha ċ-ċans tagħmel dwett mat-Tenur.
Flimkien ma’ Joseph Calleja se jingħaqad ukoll il-kantant tal-opri Bryn Terfel.
Bħas-sena li għaddiet, il-kunċert se jkun bla ħlas u wara tmiem il-kunċert se jkun hemm servizz speċjali tat-trasport pubbliku.

Filmat: WE Media