Read in English.
Il-Membru Ewroparlamentari Soċjalista Birgit Sippel qalet li hemm pressjoni kemm fuq il-Partit Laburista kif ukoll fuq is-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew.
Hija spjegat li dak li qed jiġri f’Malta f’dawn il-ġranet, il-fiduċja fil-Prim Ministru hija ’meqruda totalment’ irrispettivament minn dak li wieħed jemmen.
Sippel kienet parti mid-delegazzjoni Ewropea li nbagħtet Malta fuq missjoni urġenti mill-Parlament Ewropew. Hija żiedet li hemm bżonn tittieħed azzjoni u li wieħed ma jistax jibqa’ għaddej daqslikieku ma ġara xejn. Hija enfasizzat li din hija stqarrija personali tagħha u kompliet li hija tifhem li s-sitwazzjoni preżenti hija waħda diffiċli u wieħed għandu jieħu azzjoni immedjata.
Tħassib serju; Il-Parlament Malti għandi jieħu azzjoni

Il-Membru Ewroparlamentali u Chairperson tad-delegazzjoni LIBE, Sophie In ‘t Veld enfasizzat li hemm tħassib serju dwar l-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Żiedet li hemm tħassib serju wkoll fuq il-fatt li l-Prim Ministru se jirreżenja f’Jannar li ġej. Kompliet li għalkemm persuna hija preżunta innoċenti sakemm tinsab ħatja, l-erbgħin ġurnata li ġejjin huma kruċjali.
In ‘t Veld enfasizzat li hemm tħassib ieħor fuq investigazzjonijiet ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus li għandhom x’jaqsmu mal-assassinju li għadhom ma bdewx.
L-intimidazzjoni tal-ġurnalisti u theddid fuq il-libertà li wieħed jipprotesta
Sophie In ‘t Veld qalet matul dawn l-aħħar jiem saru diversi theddid fuq is-sigurtà u l-indipendenza tal-ġurnalisti, kif ukoll theddid fuq li wieħed jipprotesta.
Muscat għandu jitlaq immedjatament – Metsola

Il-Membru tad-Delegazzjoni Roberta Metsola qalet li Muscat għandu jiltaq immedjatament biex l-investigazzjonijiet ikunu kredibbli. Hija żiedet li ‘dak li ġej wara huwa x-xogħol fuq is-saltna tad-dritt u għandu jitnaqqas id-distakk bejn il-valuri li ġġielidna għalihom u l-għodod li għandna biex nipproteġuhom.’
Ninsab ixxukjata

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Belġjana Assita Kanko qalet li dak li kienet preżenti għalih matul din iż-żjara ħalliha xxukkjata. Hija qalet li qatt ma immaġinat li jista’ jkun hemm qtil bħal dan fl-Ewropa. Żiedet li ‘li toqtol ġurnalista qed tniffed ukoll id-demokrazija.
Il-pass li jmiss
Iċ-Chairperson tad-Delegazzjoni Sophie In ‘t Veld spjegat li fil-ħmistax li ġejjin se jkun hemm diskuzzjoni fil-Parlament Ewropew u jista’ jkun hemm riżoluzzjoni.
Hija żiedet li d-delegazzjoni se tkun qed tikteb lill-Kummissarju Von der Leyen fuq is-sitwazzjoni ta’ Malta, sabiex tħeġġeġ li jibda djalogu dwar is-saltna tad-dritt. Id-delegazzjoni se tkun qed tinforma wkoll l-Kunsill Ewropew b’dak li sabet minn din iż-żjara. Hija enfasizzat li l-Kunsill Ewropew għandu jieħu pożizzjoni dwar dak li qed jiġri qabel jiltaqgħu.
Filmat: Miguela Xuereb