Filmat: Il-Fattigi jaslu lura għada l-Ħamis

Hekk kif għada l-Ħamis 3 ta’ Ottubru jiftaħ it-tieni staġun tas-sensiela Fattigi fuq l-istazzjon Net, newsbook.com.mt tkixxef ftit ‘l fejn sejra l-istorja matul l-episodji li jmiss.

Diġá rajna fejn ħaditna l-istorja matul l-ewwel staġun fejn sirna nafu lil Catherine, Francis u Mandy, tlett nisa ta’ etá differenti u li t-tlieta li huma jagħmlu xogħol onest: dak ta’ fattiga.

Iżda t-tlieta li huma jaħdmu f’setturi differenti u b’hekk rajna kif ħajjithom hi influenżata mill-ambjent li jaħdmu fih. It-tlett fattigi spiċċaw jgħixu taħt saqaf wieħed u l-problemi tagħhom tħaltu tant li saru l-problemi ta’ xulxin.

Iżda Fattigi hi storja dwar l-emanċipazzjoni tal-mara fi żminijietna. Fit-tieni staġun il-kittieb Bryan Muscat iwiegħed li se jkompli jibni fuq din it-tema oriġinata minn Pierre Portelli li ħoloq din is-serje.

“Ma tistax tikteb dwar nisa fis-soċjetà jekk ma jkollokx l-akbar rispett lejn il-kontribuzzjoni tal-mara,” qal Pierre Portelli ma’ newsbook.com.mt.

“Ħafna jiktbu dwar n-nisa qishom xi oġġett jew prop biex tagħmel serje tajba. Qabel ma tfassal storja trid l-ewwel temmen li l-mara mhix sempliċi karattru li tista’ tisfrutta f’serje jew ktieb imma ħlejqa oħra b’dinjità u umanità. Il-mara mhix għall-bejgħ u ħadd m’għandu jaħseb li jista’ jixtriha, ikun xi jkun il-kapital li jagħżel,” temm jgħid Portelli li kien ukoll ħoloq Iċ-Ċaqqufa u Tereża, żewġ serje oħra li ttrattaw l-emanċipazzjoni tal-mara.

Fit-tieni staġun ta’ Fattigi se naraw kif il-protagonisti nisa jirnexxielhom jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Fattigi se jixxandar fuq Net minn għada l-Ħamis 3 ta’ Ottubru fit-8.45pm.