Filmat: “Il-fast ferry se jsir” – il-Ministru Caruana

Read in English.

It-tender għas-servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex mistenni jerġa’ jiġi ppubblikat.

Mingħajr ma tat ebda importanza lill-proġett tal-mina, li mistenni jkun l-akbar proġett ta’ dan it-tip fil-Mediterran, il-Ministru Caruana qalet li l-aċċessibiltà għal Għawdex tjiebet bir-raba’ vapur u mistennija tkompli titjieb permezz tal-fast ferry.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru insistiet li s-servizz ta’ fast ferry se jsir għaliex qiegħed fil-programm elettorali tal-Gvern Laburista. Stqarret li huwa “proċess kumpless” filwaqt li qalet li għalkemm it-tender ġie sospiż, huwa maħsub li dan jerġa’ jinfetaħ. Qalet li dan it-tender huwa r-responsabbiltà tal-Ministeru għat-Trasport u hi bħala Ministru għal Għawdex “potenzjalment” ikollha sehem fih peress li hija responsabbli mill-Gozo Channel.

Il-Bord li jiskrutinizza l-Kuntratti Pubbliċi ħassar kuntratt mogħti mill-Gozo Channel lil Island Ferry Network għal servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex, wara li ġie ddikjarat “ineffettiv”.

AQRA: Il-Bord tal-Kuntratti Pubbliċi jħassar kuntratt għal fast ferry

Fl-attività li kienet parti mill-Ġimgħa Ewropea għar-Reġjuni, il-Ministru saħqet li semmiet il-proġett tal-mina iżda qalet li minħabba l-ħin qasir li kellha ma xtaqitx li d-diskors tagħha jkun iffukat fuq ħaġa waħda.

Dwar it-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex, il-Ministru qalet li x-xogħol beda u hemm interess għall-użu tiegħu. Qalet li x-xahar id-dieħel se jiġi inawgurat l-ICT Hub fejn fih se jkun hemm kumpaniji internazzjonali b’aktar opportunitajiet ta’ xogħol.

Ray Attard

Il-Ministru Caruana tkellmet ukoll dwar l-awtorità reġjonali li permezz ta’ liġi li għaddiet fil-Parlament se tiġi mwaqqfa f’Għawdex. Spjegat li din se tkun qed taħdem fuq studju dwar l-impatt tal-inizjattivi qabel ma jiddaħħlu fis-seħħ.

“Irridu liġijiet ta’ ‘state aid’ aktar flessibbli għall-gżejjer”

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li hemm bżonn li l-liġijiet dwar ‘state aid’, dwar għajnuna finanzjarja mill-Gvern, iridu jkunu aktar flessibli għall-gżejjer biex jiġu indirizzati l-isfidi. Il-Ministru Caruana kienet qed tindirizza konferenza Ewropea dwar l-isfidi u l-futur tal-insularità fil-Mediterran bil-parteiċpzzjoni ta’ rappreżentanti mill-Korsika u l-gżejjer Baleariċi.

Il-Ministru qalet li Għawdex għandu “sfidi akuti” minħabba dipendenzi fuq Malta. Semmiet kif il-Ministeru għal Għawdex ħadem fuq pakkett multi-settorjali biex jippromvovi l-iżvilupp sostenibbli.

© European Union / Patrick Mascartrr

Dwar l-isfidi tal-gżejjer, il-Ministru Caruana qalet li għalkemm dawn huma dokumentati f’diversi pubblikazzjonijiet tal-UE, irid ikun hemm aktar sforzi biex l-UE tgħin lir-reġjuni, b’mod speċjali l-gżejjer.

Fid-diskors tagħha hija semmiet li Għawdex kellu sehem biex l-aġenda tal-ġżejjer tingħata importanza fil-presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Hija qalet li attivitajiet bħal dawn iservu biex ikun hemm għarfien dwar l-esperjenzi f’diversi gżejjer Mediterranji.

Ipparteċipaw ukoll il-Membri Parlamentari Ewropej Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar, kif ukoll għadd ta’ Sindki u rappreżentanti tar-reġjuni.