Filmat: Il-Covid-19 uriena kemm m’aħna xejn – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-pandemija tal-Covid-19 urietna kemm m’aħna xejn u kemm aħna verament vulnerabbli, kif ukoll kemm niddependu minn xulxin.

Hu u jitkellem ma’ Fr Joe Borg fuq Newsbook Q&A lbieraħ, l-Arċisqof irrifletta fuq kif il-pandemija affettwat lill-Knisja.

Qal li lilu u lill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi bagħtithom fid-djar tan-nies permezz tal-quddies li bdiet tixxandar ta’ kuljum fuq it-televixin. Qal li n-nies ħadu pjaċir isegwu l-kelma tal-isqfijiet minn djarhom stess.

Spjega li l-pandemija, bla ma trid, tibdillek ir-ritmu ta’ ħajtek. Qal li peress li hu jgħix ma’ ommu, joqgħod aktar attent. Skont l-Arċisqof, qabel il-pandemija, il-familja kienet fi kriżi peress li kulħadd kien impenjat b’ħajtu u l-membri tal-familja bilkemm kienu jsibu ħin ipoġġu biex jieklu flimkien. Għalhekk, il-pandemija kienet pożittiva minn dan il-lat għax tat lill-familji aktar ħin flimkien.

Mons. Scicluna semma wkoll kif permezz tal-pandemija, irrealizza kemm ir-ritwal tal-knisja fil-funerali huwa importanti, billi ra kemm in-nies ħassew in-nuqqas tiegħu meta dan għamel żmien wieqaf minħabba l-virus. Qal li dan ir-ritwal jagħti faraġ li m’hemmx prezzu.