Filmat: Il-coronavirus qata’ l-pajp tal-ossiġnu taż-żgħażagħ – Prof. Azzopardi

Il-coronavirus qata’ l-pajp tal-ossiġnu taż-żgħażagħ. Dan hekk kif iż-żgħażagħ huma l-grupp ta’ nies li l-aktar huma soċjevoli u minħabba l-pandemija, għal ġimgħat sħaħ ma setgħux jagħmlu dan.

Dan qalu d-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, Prof. Andrew Azzopardi, waqt li kien qed jiġi intervistat minn Jesmond Saliba waqt il-programm Newsbook Hour.

Hu qabbel il-perjodu tal-pandemija mal-fażi post trawmatika ta’ xi ħadd li jkun mar għall-gwerra u ġie lura. Spjega li din kienet traġedja nazzjonali u d-daqqa fuq is-saħħa mentali kienet waħda kbira. Insista li għadu ma sarx biżżejjed biex din il-problema tkun indirizzata b’mod konkret. Semma kif is-solitudni mhix kwistjoni biss ta’ dwejjaq iżda għandha wkoll ramifikazzjonijiet kbar fuq il-ġisem, il-moħħ, ir-ruħ u s-saħħa ta’ dak li jkun u ta’ madwaru.

Dr Anton Grech, psikjatra u Chairman tas-Servizzi għas-Saħħa Mentali f’Malta, kien preżenti wkoll għad-diskussjoni fejn sostna li l-perjodu tal-pandemija kien l-aktar żmien li ħadmu f’ħajjithom. Qal li kien hawn żieda fil-persuni li kellhom problemi ta’ saħħa mentali. Spjega li dan minħabba li x-xibka ta’ wens soċjali li wieħed ikollu permezz tal-kuntatt mal-qraba u ħbieb, tkissret. Qal li minkejja li t-teknoloġija tgħin lill-bnedmin iżommu kuntatt, ma jħossx li dan il-kuntatt joffri l-istess tip ta’ wens meta tkun tista’ tiltaqa’ ma’ persuna fiżikament. Spjega li l-pajjiż kellu mewġa ta’ pandemija, iżda tsunami ta’ problemi ta’ saħħa mentali.

“Pazjenta qabblet dan iż-żmien mal-gwerra”

Dr Grech kompla jgħid kif is-solitudni nnifisha ġġib magħha l-ansjetà. Spjega li l-ansjetà tiġi mill-biżà minn dawk l-affarijiet li xi ħadd ma jifhimx, dak li bl-ingliż jissejjaħ “fear of the unknown”. Irrimarka kif pazjenta partikolari qabblet il-perjodu tal-pandemija maż-żmien meta għexet il-gwerra.

Hu ammetta li erba’ xhur ilu, il-pajjiż kien fi stil ta’ ħajja li impossibbli li jerġa’ jiġi eżatt kif kien. Spjega iżda li anke li kieku l-pajjiż ma kellux il-coronavirus, il-ħajja tevolvi u dak li hu normali bil-mod il-mod xorta waħda jinbidel. Qal li għall-bidu, in-nies bħal qishom ħadu r-ruħ u ħassewhom aħjar għax il-ħajja ma baqgħetx daqshekk mgħaġġla. Iżda mbagħad, meta s-sitwazzjoni twalet, l-inċertezza żdiedet u daħal l-element tal-boredom.

Sostna li l-bniedem jeħtieġ stimolu u li kien għalhekk li malli l-ivvjaġġar lejn Għawdex reġa’ ġie possibbli, il-kju għall-vapur sploda. Qal li din kienet ir-reazzjoni tan-nies għall-frażi “lura għan-normal”. Insista iżda li hemm bżonn li ssir ħidma fuq il-bini tar-reżiljenza fil-popolazzjoni, jiġifieri l-mod kif wieħed ikampa f’dawn is-sitwazzjonijiet. Qal li qed jibża’ li ħafna se jkunu diżappuntati.

“Il-bniedem għandu bżonn ritwal”

Prof. Azzopardi spjega li hemm żewġ affarijiet li ħafna ma jagħtux kashom sakemm ma jħabbtux wiċċhom magħhom, l-ewwel li l-bniedem ma jgħix waħdu u t-tieni li l-bniedem għandu bżonn ritwal. Irrimarka kif meta xi ħadd jispiċċa mix-xogħol mhux biss tonqoslu l-paga imma anke r-rutina. Dik li wieħed iqum filgħodu, jinħasel, jilbes, jipprepara, joħroġ u jiltaqa’ man-nies.

Tkellem ukoll dwar kif ir-reliġjon serviet ta’ wens f’dan il-perjodu. Qal li kienet xi ħaġa tajba li l-Knisja xandret il-quddies fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni. B’hekk il-knisja tat ċertu ritwal lill-poplu u dan jagħti serenità u trankwillità.

Semma wkoll kif il-poplu wera u se jkompli juri l-apprezzament lejn l-infermiera, it-tobba, l-ispeċjalisti tas-saħħa, l-ħaddiema soċjali, il-councillors u l-psikologi. Qal li dan il-perjodu wassal biex kulħadd jifhem aktar kemm huma importanti dawn il-ħaddiema. Irrimarka li fiż-żminijiet li ġejjin se jkun hawn bżonn aktar professjonisti li jgħinu biex dak li jkun jifhem x’ġara f’dawn is-sitt xhur. Dan hekk kif se jkun hawn aktar nies li se jkollhom bżonn it-terapija.

Insista li jittama wkoll li l-gvern jifhem kemm huma importanti wkoll li dawn l-oqsma ma jitpoġġewx bħala tat-tieni klassi.  

Rappurtaġġ Addizzjonali: Liz Cutajar