Minkejja l-imxija tal-coronavirus u l-miżuri ta’ tbegħid soċjali meħuda sabiex din l-imxija titrażżan, fl-Imqabba, it-tberik tad-djar qed isir xorta waħda, iżda minflok isir ġod-djar, qed isir mit-triq.
Il-Parroċċa ta’ Santa Marija fl-Imqabba ħadet l-inizjattiva li torganizza t-tberik tad-djar billi l-Kappillan idur it-toroq b’Ġesù Sagramentat.
Kull nhar ta’ Ħadd il-Kappillan qiegħed idur għadd ta’ toroq sabiex djar l-Imqabbin jitbierku f’dan iż-żmien ta’ kriżi tas-saħħa. Wara jkun hemm ir-rużarju u tixxandar quddiesa fuq l-istazzjon tar-radju tal-Imqabba, 95.4FM.
Il-Parroċċa tħeġġeġ lir-residenti, permezz tal-paġna tagħha fuq Facebook, sabiex joħorġu fit-twieqi u fil-gallariji tagħhom biex jilqgħu lil Ġesù Sagramentat.
Barra minn hekk, il-Parroċċa ħasbet fit-tfal ukoll, u ħeġġet lit-tfal Imqabbin sabiex jaħsbu f’talba u jagħmlu poster biha, u dan jibagħtuh lill-Parroċċa fuq Facebook. Intalbu wkoll iwaħħlu t-talba mat-twieqi tad-djar tagħhom.
Il-fidi ma spikkatx fl-Imqabba biss, iżda f’diversi lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex, ir-residenti qegħdin isibu wens fit-talb flimkien bħala komunità, fosthom fil-Belt Valletta.
Apparti t-talb, il-Maltin żammew ħajja wkoll it-tradizzjoni tal-purċissjoni fil-festi, u l-ġimgħa li għaddiet, fil-festa ta’ San Ġorġ Martri, il-Ġorġjani sabu mod kif jagħmlu purċissjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ bil-karozzi, minflok bil-pass.
Filmat: Mill-paġna tal-Parroċċa Santa Marija fuq Facebook
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.