Filmat: “Il-coronavirus bena ħajt bejn in-nies” – L-Isqof Grech fi kwarantina

Read in English.

Pjazza San Pietru kienet baħħ u lbieraħ kienet magħluqa kompletament. Hekk iddeskriva il-qalba tal-Belt Eterna l-Isqof Mario Grech li sal-bieraħ kien għadu hemm.

Huwa kien qed jitkellem ma’ Newsbook.com.mt permezz ta’ Skype.

L-Isqof Grech f’dawn l-aħħar xhur qed jgħix Ruma matul il-ġimgħa u jiġi lura Għawdex fi tmiem il-ġimgħa. Huwa kien wieħed minn 30 ruħ li kienu ripatrijati mill-Italja wara li l-Gvern Taljan iddikjara l-ġħeluq tal-fruntieri biex jipprova jiġġieled l-imxija tal-coronavirus COVID-19. It-titjira li fuqha kien l-Isqof Greech waslet Malta lbieraħ filgħaxija.

L-Isqof Grech qal li din id-darba tela’ Ruma prattikament għal ġimgħa biss.

Il-ħajt ta’ Corona

B’leħen li fih kienet tinstema’ sew id-diqa, l-Isqof Grech qal li din l-imxija wasslet biex bniet ħitan bejn in-nies. Dan kien jidher sew mill-mod kif it-Taljani kienu qed isellmu lil xulxin. Dan il-poplu Mediterranju, li t-tislimiet tiegħu bosta drabi jissarrfu f’kuntatt fiżiku qawwi issa qed iżomm lura anke milli jieħu b’idejn xulxin.

Żied li din ir-rażna kienet ukoll indikazzjoni ta’ nuqqas ta’ fiduċja li kien hemm bejn il-persuni, l-effett negattiv li qed iħalli warajh dan il-virus.

Prosit u grazzi

L-Isqof Grech radd ħajr minn qalbu lill-awtoritajiet Maltin u lill-Air Malta tal-impenn tagħhom biex wasslu lill-Maltin lura f’arthom.

Mistoqsi issa kif se jqatta’ ż-żmien li għandu fi kwarantina volontarja, huwa qal li minbarra li fadallu ħafna xogħol xi jlesti, kellu wkoll bosta kotba lesti għall-qari. Huwa qal li se jieħu l-opportunità ukoll li jagħmel żmien ta’ riflessjoni hekk kif ippreżentat ruħha din l-opportunità providenzjali li, bħala Isqof, ftit ikollu bħalha.