Filmat: Il-CABS tinsisti li l-kaċċa f’Wied Ħas-Saptan għandha titwaqqaf

Il-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) qed jitlob li l-awtoritajiet iwaqqfu l-kaċċa fl-aggwati ta’ Wied Ħas-Saptan f’Birżebbuġa minħabba l-ammont ta’ kaċċa illegali li kienet qed issir ġo fih.

Għal darba oħra, l-għaqda Ġermaniża – li tiġi Malta kull staġun tal-passa tal-għasafar biex tagħmel monitoraġġ fuq il-kaċċa illegali, ippublikat filmat ta’ kaċċa illegali. F’dan il-filmat, jidhru kuċċarda u farruġ jaqgħu mis-sema wara li jintlaqtu b’tir ta’ senter. Iż-żewġ għasafar protetti sfaw maqtula, il-CABS ikkonfermat.

“It-timijiet tagħna fl-aggwati ta’ Birżebbuġa josservaw u jirrapurtaw inċidenti ta’ kaċċa illegali kuljum, imma l-pulizija kellhom bżonn aktar minn siegħa biex jaslu wara li t-tim tagħna rrapurta l-qtil tal-farruġ ilbieraħ,” kelliem għall-CABS Karl Heinz Kreutzer qal. Dan id-dewmien jagħti l-kaċċaturi biżżejjed ħin biex ikunu jistgħu jiġbru l-għasfur li qatlu illegalment u jevitaw kull konsegwenza.

Apparti dawn iż-żewġ inċidenti, l-attivisti tal-CABS osservaw aktar minn tuzzana għasafar li sfaw vittma tal-kaċċa illegali f’Wied Ħas Saptan mill-Ħadd li għadda.

“Peress li għajnejna u l-cameras tagħna jistgħu ikopru biss parti żgħira ħafna ta’ dan il-wied, nistgħu nassumu li mijiet ta’ għasafar protetti oħra sfaw maqtula hemm din il-ġimgħa biss,” żied Kreutzer.

CABS iddeskriva l-wied bħala l-agħar post għall-ghasafar tal-priża fl-Ewropa, u ħeġġeg lill-gvern biex jieħu azzjoni mal-ewwel billi jissospendi l-kaċċa f’din iż-żona, bl-għajnuna ta’ preżenza permanenti ta’ pulizija.

L-għaqda fakkret li kaċċaturi joqtlu għasafar protetti primarjament biex jibbalzmawhom u biex jispiċċaw f’kollezzjonijiet privati.

“Hemm suq iswed enormi għall-għasafar ibbalzmati, b’ċerti kolletturi jħallsu eluf ta’ Euro għal speċi rari bħall-farruġ, iċ-ċikonja u l-fjamingu,” spjegat Fiona Burrows, wildlife crime officer tal-CABS. “Peress li l-ispezzjonijiet u l-ittaggjar ta’ kollezzjonijiet privati naqsu ħafna fl-aħħar ħames snin, il-kaċċaturi jsibuha aktar faċli biex joqtlu u jmexxu speċi illegalment.”

Żiedet li l-kontrolli spiċċaw meta r-responsabbiltà għall-għasafar selvaġġi għaddiet għal għand il-Wild Bird Regulations Unit.

“L-istorja tal-WBRU hi waħda ta’ fallimenti enormi u deċiżjonijiet preġudikati li jservu biss l-interessi tal-kaċċaturi a skapitu tal-ħajja ta’ eluf ta’ għasafar rari protetti. Il-gvern ilu li missu għadda r-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-għasafar selvaġġi lil istituzzjoni regulatorja kompetenti,” ikkonkludied Burrows.