Filmat: Il-but taċ-ċittadin jikber jekk il-Gvern ma jisraqx mill-pajjiż – Zammit Dimech

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech saħaq li jekk ma jkunx  hemm Gvern li jisraq mill-pajjiż, il-but taċ-ċittadin jikber u mhux jonqos.
F’intervista ma’  Newsbook.com.mt, Zammit Dimech kien qed jirreferi għal dawk il-persuni  li jħarsu lejn il-but tagħhom u jħossu li qegħdin komdi. Enfasizza li wieħed irid jistaqsi lilu nnifsu jekk iħossux komdu li jitmexxa minn Gvern li qed jiġi akkużat bil-korruzzjoni b’mod kontinwu.
Fisser li wieħed irid ikun oġġettiv u jevalwa dak li qed jingħad dwar Malta u jagħmel l-analiżi tiegħu.
Mistoqsi dwar ir-rapport imħejji mill-Kumitati PANA/LIBE, li ġew Malta biex jinvestigaw fost l-oħrajn ir-rispett lejn il-liġi, l-MPE qal li s-sitwazzjoni f’Malta mhix se titlaq minn taħt il-lenti tal-Parlament Ewropew.
Zammit Dimech spjega li r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport huma ċari ħafna. Semma fost l-oħrajn li għandhom jitkeċċew il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Qal li r-rapport jitkellem ukoll dwar ħtieġa li l-istituzzjonijiet ta’ Malta jkunu serji u indipendenti. Żied jgħid li huwa ċert li l-Parlament Ewropew se jkompli bil-pressjoni fuq Malta, liema pressjoni fi kliemu ġejja b’mod partikolari mill-grupp soċjalista.
Francis Zammit Dimech tkellem ukoll dwar il-problemi u t-theddid li jaffaċċjaw il-whistleblowers f’Malta li jiddeċiedu jiżvelaw informazzjoni li ma tinżilx tajjeb mal-Gvern.
Qal li l-każ tal-eksuffiċjal tal-Aġenzja tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus Jonathan Ferris huwa każ ċar tal-periklu fil-konfront tal-whistleblower. Dan wara rapporti li Jonathan Ferris beda jieħu aktar prekawzjonijiet biex jissalvagwardja ħajtu. Il-MPE qal kif fil-każ tal-meters tad-dawl tal-Enemalta ingħatat aktar protezzjoni lil dawk li ddeċidew li jitkellmu milli dik li qed tingħata lil min qed jikxef il-korruzzjoni fl-ogħla livelli.
Minkejja dan, Zammit Dimech sostna li wieħed għandu dejjem jipprova jsib il-kuraġġ u d-determinazzjoni li jitkellem kontra u jikxef il-korruzzjoni.