Filmat: Il-biża’ tal-istigma minħabba fid-Down’s Syndrome

Anġli Żgħar - Kayley Cuscheri

Ħsieb u silta żgħira mill-kanzunetta finalista Anġli Żgħar - Kayley Cuschieri Singer (Joe Julian Farrugia,Philip Vella)

Posted by L-Għanja Tal-Poplu on Friday, August 21, 2020

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru se tittella’ l-44 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu f’xandira diretta fuq TVM.  Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.

Kuljum f’dan l-ispazju se ssibu tagħrif fuq kull kanzunetta parteċipanta.

Kanzunetta: Anġli Żgħar

Kantanta: Kayley Cuschieri

Kliem: Joe Julian Farrugia

Mużika: Philip Vella

Jinħasdu l-ġenituri meta jkollhom wild bid-Down’s Syndrome. Il-biża’ tal-istigma, il-fatt li se jinħassu differenti minn sħabhom u l-ansjetà ta’ x’jista’ joffri l-ġejjieni huma sfida kbira. Imma maż-żmien kull ġenitur jinduna kemm dawn huma tfal speċjali, il-ġawhar tal-familji. Jibdew jikbru, jagħmlu kollox bil-pass tagħhom, u mhux sew noqogħdu nitħassruhom. Fuq kollox tinduna kemm dawn it-tfal jafu jħobbu. Jekk għandhom xi ħaġa nieqsa hija l-mibgħeda. Tfal ġenwini, innoċenti, ħelwin u qalbhom tajba li anki bi tbissima waħda kapaċi jfarrku l-blat tal-qlub ibsin.

Kayley Cuschieri hija tfajla ta’ 17-il sena u qed tieħu sehem f’dan il-konkors għat-tieni sena konsekuttiva, wara li s-sena l-oħra pparteċipat bil-kanzunetta Bejn l-Erba’ Ħitan. Fl-2019 kienet ukoll finalista b’żewġ kanzunetti fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza. Ilha tkanta minn mindu kellha 5 snin. Fl-2014, ħadet sehem fil-kor tat-tfal ta’ L-Għanja tal-Poplu u erba’ snin wara, ippreżentat L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ. Fl-2019 kienet finalista b’żewġ kanzunetti f’L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ. Ħadet sehem fl-ewwel stagun tal-X Factor Malta u kienet ir-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-KKI Junior fl-2014. Hija ddoqq il-pjanu, kif ukoll ħadet sehem f’diversi kompetizzjonijiet barra minn Malta. 

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex nimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.