Filmat: Il-BirdLife tosserva 41 illegalitajiet f’10 ijiem

Il-BirdLife Malta qalet li osservat 41 illegalitajiet tul perjodu ta’ għaxart ijiem u ħarġet filmat li qalet li juri “biss farka mill-ammont kbir ta’ nsib illegali li fir-realtà qed iseħħ f’Malta u Għawdex ta’ kuljum.”

Fi stqarrija, BirdLife Malta qalet li l-istaġun tal-insib 2018 fetaħ fl-20 ta’ Ottubru u se jibqa’ miftuħ sal-31 ta’ Diċembru. Qalet li tul il-jiem ta’ sorveljanza f’Novembru, l-illegalitajiet kienu osservati kuljum. Dawn inkludew l-użu ta’ apparat tal-għajjat elettroniku, is-sejba ta’ xbieki u/jew lasti mitluqin waħidhom, l-użu ta’ xbieki b’malji ta’ daqs iżgħar minn dak awtorizzat, u anke inċidenti ta’ nsib illegali għall-Venewwa (Lapwing) u għall-għasafar tal-għana.

“Ħdax mis-siti fejn ġew osservati dawn l-illegalitajiet ma kinux reġistrati skont tagħrif tal-Wild Birds Regulation Unit (WBRU). F’ġurnata waħda 40 għasfur tal-għana nstabu fi tlett imnasab f’Għawdex; bl-għasafar jiġu kkonfiskati mill-pulizija biex jiġu mgħoddija lid-WBRU, waqt li oħrajn ġew meħlusa dak il-ħin stess fuq il-post. Sbatax-il każ minn dawn ġew mgħoddija f’idejn il-pulizija biex jiġu investigati f’aktar dettall, bit-tama li jispiċċaw quddiem il-Qorti.”

Skont l-għaqda, ħafna minn dawn l-imnasab jinsabu f’żoni fejn huwa diffiċli li jiġu nnutati jew jintlaħqu, li jqanqal dubji serji dwar kif il-Pulizija u l-Wild Birds Regulation Unit qed jirnexxilhom jissorveljaw is-siti f’dawn l-inħawi.

Filmat: BirdLife Malta
Muntaġġ: Kinga Kupska