Filmat: Il-Bicycle Advocacy Group jibdel ismu għal “Rota”

Read in English.

L-għaqda Bicycle Advocacy Group (BAG) bidlet isimha u l-mod kif tippreżentaha ruħha mal-pubbliku bl-isem il-ġdid isir bil-Malti: Rota.

Il-kumitat ta’ Rota fi stqarrija lill-midja spjega li dan it-tibdil seħħ wara diskussjonijiet, konsultazzjonijiet u ħsieb li sar mill-membri u mill-kumitat ta’ Bicycle Advocacy Group.

L-istess għaqda kienet ta’ sikwit tkun kritika tal-politika tal-Gvern minħabba l-infratruttura tat-trasport f’Malta fosthom il-mod kif ġew ippjanati u mibnija t-toroq ewlenin ta’ Malta.

Il-kritika tagħhom wasslet ukoll biex pjanti li kienu diġà sottomossi lill-Awtorità tal-Ippjanar jinbidlu biex jakkomodaw liċ-ċiklisti.

Logo ġdid

L-għaqda spjegat li l-kelma rota għandha żewġ tifsiriet: ir-rota bħala mezz tat-trasport u r-rota bħala ċirku li ddur. Il-logo il-ġdid ġie ddisinjat minn Ed Dingli li huwa disinjatur u illustratur lokali. Fih hemm tliet elementi li huma s-sostenibbiltà rrappreżentat bl-ittra “S”, l-ittra “R” għal rota u ċ-ċirku aħmar li jirrappreżenta l-element uman.

Qalu wkoll li kull min irid jagħmel kuntatt magħhom jista’ juża l-email il-ġdid info@rota.mt.