Filmat: “Il-bejgħ tal-isptarijiet mhux fl-aħjar interess tal-pazjent” – Tobba

Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), Martin Balzan, qal li l-ftehim tal-Gvern ma’ Vitals Global Healthcare u li issa spiċċa għadda f’idejn il-kumpanija Amerikana Steward Health Care System, mhuwiex fl-interess tal-pazjent u lanqas tat-tobba.
Balzan kien qed jitkellem waqt il-programm Newsline fuq RTK, li fost affarijiet oħra ddiskuta l-bejgħ tal-konċessjoni li l-Gvern kien ta lil Vitals Global Healtcare (VGH) biex imexxi  l-Isptar San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u li issa nbiegħet lil Steward Health Care System.
Għalkemm Balzan saħaq li l-kumpanija Amerikana żgur li għandha aktar esperjenza minn Vitals Global Healtchare jibqa’ l-fatt li hi bbażata fuq sistema Amerikana ta’ ħlas u assigurazzjoni u mhux fuq sistema ta’ servizz tas-saħħa b’xejn iffinanzjat mill-Gvern.
“Minkejja li dan huwa operatur aħjar mhux ċerti jekk il-ftehim iffirmat huwiex fl-aħjar interess tal-pazjent u tal-membri tagħna,” saħaq Balzan.
“Kunflitt bejn il-profitt u l-aspett soċjali”
Spjega kif meta jidħol il-privat jinħoloq kunflitt, fejn l-oġġettiv primarju jkun il-profitt filwaqt li s-servizz offrut mill-Gvern jiffoka aktar fuq l-aspett soċjali.
Tkellem dwar pazjenti bi problemi tad-droga, oħrajn bi problemi ta’ saħħa mentali u pazjenti b’mard rari li jkollhom bżonn kura li tiswa l-eluf.
Saħaq li sptar immexxi mill-privat (fi ftehim simili għal dak bejn il-Gvern u l-VGH) ma jkunx jaqbillu jieħu hu dawk il-pazjenti, għax l-oġġettiv tiegħu jkun il-profitt u għalhekk tinħoloq pressjoni fuq il-professjonisti biex dawn il-pazjenti jiddaħħlu fi sptarijiet li huma tal-Gvern.
Il-MAM, bħall-Oppożizzjoni kontra l-privatizzazzjoni tal-isptarijiet
Dr Martin Balzan qabel ma’ dak li qal, waqt l-istess programm, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri meta insista li l-Oppożizzjoni fil-prinċipju hi kontra l-privatizzazzjoni tal-isptarijiet.
Balzan spjega li fil-qasam tas-saħħa, meta l-Gvern u l-Privat jidħlu fi sħab, jeżistu tliet mudelli fejn kumpanija mhux bilfors tingħata l-konċessjoni li topera l-isptar imma sempliċiment li tieħu ħsieb l-infrastruttura tiegħu.
Bħala eżempju ħa dak tar-Renju Unit fejn minkejja li hemm madwar 200 każ ta’ Public-Private Partnership fil-qasam tas-saħħa, ma hemm l-ebda każ ta’ lease, maintain and operate, kif hawn Malta.
“Ħofra kbira f’Għawdex u xkatlar ta’ faċċata f’San Luqa”
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Balzan iddeskriva l-ftehim bħala “fażull” u staqsa x’sar mill-€34 miljun li l-Gvern ħallas lil VGH biex ikun jista’ jimmodernizza l-Isptar San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Waqt Newsline saħaq li kulma sar kien ħofra kbira f’Għawdex u ġiet xkatlata parti mill-faċċata tal-Isptar San Luqa.
Kien għalhekk li l-MAM qed tinsisti li l-Gvern għandu jwaqqaf in-negozjati u biex jiffriża l-pagamenti kollha lill-Vitals Global Healthcare sakemm l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali jinvestiga l-bejgħ tat-tliet sptarijiet.
“Għandu jkun il-Gvern li jinnegozja mal-kumpanija l-ġdida u mhux il-VGH” – L-Oppożizzjoni
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri qal li l-Oppożizzjoni dejjem kienet imħassba dwar dan il-ftehim aktar u aktar għax il-kuntratt kif ippubblikat mill-Gvern “fih aktar iswed milli abjad.”
Spiteri qal li l-Gvern għandu l-opportunità li għalissa jwaqqa’ dan il-kuntratt u jistenna r-rapport tal-Awditur Ġenerali.
Għalkemm insista li l-Oppożizzjoni tibqa’ kontra l-privatizzazzjoni, saħaq li jekk il-Gvern jibqa’ bil-ħsieb li jipprivatizza l-isptarijiet allura għandu jkun hu li jinnegozja mal-kumpanija l-ġdida u mhux tkun il-Vitals Global Healthcare “li falliet” li tidħol f’negozjati mal-kumpanija l-ġdida.
Illum, The Sunday Times of Malta tirrapporta li ftehim bejn il-VGH u Steward ġie ffirmat ġimgħa qabel ma l-Gvern ta l-kunsens tiegħu, kif inhu stipulat fil-kuntratt.
Il-programm Newsline pprova jieħu wkoll il-kummenti tal-Gvern iżda dan għażel li ma jiħux sehem fil-programm.