Filmat: Il-bejgħ fil-Milied qed jonqos; ħafna jixtru fi Black Friday – bejjiegħa

Diversi sidien tal-ħwienet qalu li l-bejgħ baqa’ l-istess jew naqas tul dawn iż-żminijiet. Newsbook.com.mt ħa l-kummenti ta’ diversi sidien tal-ħwienet dwar kif kien l-andament tal-bejgħ tagħhom tul dawn iż-żminijiet. Fost il-kummenti kien hemm min qal li Black Friday f’Malta qed joħloq diversi sfidi minħabba li n-nies dakinhar imorru jagħmlu l-maġġoranza tax-xiri tagħhom u għalhekk f’dawn iż-żminijiet ma jkunx hemm bejgħ daqs kemm kien ikollhom ftit tas-snin ilu.

Filmati: L-aqwa Black Friday li kellna

Oħrajn qalu li l-fatt li llum l-ġurnata ħafna nies qed ifittxu li jixtru mill-internet qed taffettwa ħafna l-bejgħ f’Malta. Kien hemm min qal wkoll li dak li jkun jistenna s-skontijiet ta’ wara l-Milied għax jaf li l-prezzijiet se jkunu mraħħsa.

Ftit kienu dawk is-sidien tal-ħwienet li qalu li f’dawn iż-żminijiet marru tajjeb. Bejjiegħ partikolari qalilna li l-attivitajiet li kien hemm fil-Belt tul din is-sena għenu biex il-bejgħ kien aħjar.

Il-kummenti tan-nies dwar ix-xiri tagħhom dan il-Milied

Newsbook.com.mt ħa l-kummenti ta’ diversi persuni li kienu qegħdin il-Belt Valletta jixtru. Ftit minn dawk li kellimna qalulna li kellhom ix-xiri għal dan il-Milied lest. Ħafna qalu li kienu se jippruvaw jixtru dak li kellhom bżonn f’dawn il-jumejn li fadal.

Diversi persuni qalulna li l-maġġoranza tax-xiri tagħhom għamluh minn fuq l-internet minħabba n-nuqqas ta’ ħin biex joħorġu jixtru kif ukoll minħabba li l-prezzijiet ħafna drabi jkunu irħas.

Dwar jekk jafux kemm nefqu f’dawn iż-żminijiet, il-maġġoranza tal-persuni li kellimna qalu li minħabba li ma xtrawx kollox fl-istess ġurnata ma jafux kemm eżatt. Persuna partikolari qaltilna li din is-sena nefqet madwar €400 għax ma tantx kellha lil min tagħti rigali.

U inti xtrajthom ir-rigali tiegħek din is-sena?