Filmat: “Il-bdiewa ddisprati b’min se jaħdmu jekk jitilqu l-immigranti”

Marcelle Bugre, Maltija li taħdem ma’ komunitajiet ta’ barranin f’Malta, qalet li f’Malta m’hawnx biżżejjed ħaddiema għal ċertu xogħol u l-bdiewa jgħidulha li jinsabu ddisprati għall-ħaddiema li ġeneralment ikunu immigranti. “Ma nafux x’nagħmlu jekk ma jkunx hawn immigranti jaħdmu magħna fl-għelieqi tagħna” jgħidu l-bdiewa lil Bugri.

Fil-programm Follow-Up fuq RTK, Marcelle Bugre li taħdem mal-Fondazzjoni għall-Kenn u l-Appoġġ lill-Immigranti semmiet ukoll il-problema li qed tinħoloq minn  persuni li huma refuġjati fl-Italja u qed jiġu Malta, fejn qed jiġu mħaddmin b’mod irregolari.

Hija qalet ukoll li diversi aġenziji meta jagħtu l-kuntratti ta’ xogħol lill-immigranti, qed ibeżżgħuhom li jekk jidħlu f’unjin, ma jkunux jistgħu jaħdmu f’Malta. Tispjega li dawn il-ħaddiema qed jiffirmaw il-kuntratti tagħhom fil-Pakistan, il-Filippini u s-Serbja. Tgħid li possibilment jista’ jkun hemm abbużi f’dawn il-kuntratti u dawn il-ħaddiema jitħallsu inqas mill-Maltin fl-istess xogħol.

Problemi ta’ saħħa mentali

Waqt il-programm Bugre għarfet li l-immigrazzjoni tista’ toħloq sfidi u problemi u għalhekk appellat biex jinstabu s-soluzzjonijiet meħtieġa ħalli kemm il-Maltin kif ukoll l-immigranti jibbenefikaw u ma jkunx hemm sfruttament.

Bugre spjegat kif l-immigranti li jaslu Malta mhumiex kollha l-istess u hemm qasmiet fil-komunitajiet infushom ta’ persuni mill-istess pajjiż. Bħala eżempju semmiet il-komunità tas-Serbi. Tgħid li din il-komunità għandha tmexxija tajba ħafna iżda jkun hemm min jinfired mill-bqija u joħloq problemi.

L-uffiċjal tal-Fondazzjoni għall-Kenn u l-Appoġġ lill-Immigranti semmiet ukoll l-isfidi tas-saħħa mentali fost l-immigranti. Spjegat kif hemm ħafna fatturi li jwasslu għal dawn il-problemi. Qalet, pereżempju, li min ma jkollux id-dokumenti jinqabad f’nassa għax ma jkunx jista’ jaħdem u jispiċċa bla saqaf fuq rasu. Din il-ħaġa toħloq stress kbir u tikkawża problemi ta’ saħħa mentali.

“Il-kuluri kollha taċ-ċikkulata”

Marcelle Bugre spjegat ukoll kif iltaqgħet ma’ żewġha Ahmad meta kien Malta bħala parti komunità Kristjana. Huma żżewġu 24 sena ilu. Tirrakkonta t-tħassib tal-ġenituri tagħha dwar x’kienu se jgħidu n-nies dwar ir-relazzjoni tagħha ma’ raġel b’ġilda skura. Żewġha llum huwa ċittadin Malti u anke sar avukat hawn Malta.

Mistoqsija tirreaġixxi għal kummenti ta’ xi semmiegħa li uliedha ma għandhomx jirqiesu bħala Maltin hija qalet li t-tlett uliedha twieldu Malta, studjaw l-Università ta’ Malta, jaħdmu Malta u huma Maltin. Fi kliemha “iċ-ċittadinanza Maltija ma tagħmilx distinzjoni bejn kulur u ieħor.” Bi tbissima Bugre qalet li wliedha għandhom il-kuluri kollha taċ-ċikkulata minn skura ħafna għall-ċara, waqt li insistiet li mhux il-kulur jagħmel lill-bniedem.

Tgħid li t-tfal tagħhom kien ikollhom diffikultajiet minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom iżda sabu ħafna kuraġġ minn għalliema u ħbieb tagħhom u ħafna nies ma jarawhomx differenti.