Filmat: “Il-battalji għelbuni, imma mid-demm ħarġet fjura”

Anabelle Portelli, studenta ta’ 17-il sena mill-Għarb, għarfet tibdel it-tiġrib ta’ ħajjitha f’poeżija. Il-ktieb tagħha Fjuret id-Demm li ħa jitnieda nhar il-Ġimgħa waqt serata fil-Ministeru għal Għawdex, hu l-frott tal-ġlieda tagħha mal-battalji personali li ġarrbet b’mod profond imma li għarfet tesprimi f’ritmu u rima.
Grazzi għat-tħeġġiġ tal-għalliema tagħha tal-Malti fl-Istitut Sir Michelangelo Refalo tal-Belt Victoria, fejn Anabelle qed tistudja l-ilsien tagħna fuq livell avvanzat, u li għarfu t-talent letterarju mistur ġo fiha, din l-ewwel ġabra ta’ poeżiji tagħha ħa tara d-dawl.
It-tnedija ħa ssir waqt lejla b’Tiżwiqa Letterarja u Artistika li ħa tfakkar l-400 anniversarju mill-mewt tal-ġenju letterarju William Shakespeare. Sa jittellgħu rappreżentazzjoni ta’ żewġ siltiet mid-drammi famużi ta’ Shakespeare, Hamlet u Macbeth, kif ukoll żfin, daqq, kant, qari ta’ poeżiji u proża.
Jumejn qabel tmiem il-Ġublew tal-Ħniena, studenta oħra ser tinterpreta d-diskors ta’ Portia minn The Merchant of Venice, waqt li ser ikun hemm djalogu fuq l-imħabba u l-ħniena msejjes fuq il-Bibbja u t-tagħlim tal-Knisja.
Dammet il-poeżiji ta’ Anabelle, li jwaħħdu flimkien ferħ u tbatija, ġiet imfaħħra wkoll minn studjużi tal-Malti ewlenin f’pajjiżna, bħalma huma l-Professuri Oliver Friggieri u Manwel Mifsud.
Fi kliem il-Kap tal-Istitut, Daniel James Cassar, “l-iżvilupp ħolistiku tal-istudent hu fiċ-ċentru tal-viżjoni tagħna, fejn ma nagħtux biss importanza lill-ħiliet akkademiċi iżda niżviluppaw il-ħiliet oħra tal-istudent biex ngħinuh jirrealizza l-aspirazzjonijiet tiegħu”.