Filmat: Il-band Relikc kif użat il-perjodu tal-pandemija biex tiżviluppa l-ħoss tagħha?

Propju wara li fit-2 ta’ Lulju, il-band Relikc ħarġet il-kanzunetta tagħha Hate That I Love You, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Joseph, Remy u Luke dwar kif il-perjodu tal-pandemija affettwa l-ħidma fuq il-mużika tagħhom u kif ħadu dan iż-żmien bħala opportunità.

Wara tibdil fil-line up tal-band, partikolarment fil-kantant u d-drummer, Relikc kellha taħdem xi ftit biex issib il-ħoss ġdid tagħha wara dawn it-tibdiliet. Skont Luke Grech, il-kitarrist ta’ Relikc, dan il-perjodu ppermetta li jkollhom aktar ċans biex jaħdmu u jiżviluppaw il-ħoss tal-kanzunetta l-ġdida tagħhom Hate That I Love You.

“Użajna dan il-perjodu biex naħdmu fuq il-kitba tal-mużika tagħha. Ħdimna fuq Hate That I Love You biex inqarrbuha għall-istat li nistgħu nisimgħu llum,” spjega Luke.

Min-naħa tiegħu, Joseph Axiak, il-pjanist tal-band, spjega l-proċess ta’ kif Relikc jiktbu l-kanzunetti tagħhom. Qal li ġeneralment, xi membru tal-band joħroġ bil-bażi ta’ kanzunetta mbagħad jaqsamha mal-bqija tal-band u kulħadd jibni fuqha skont il-ħiliet tiegħu. Meta jħares lejn il-proċess tal-kitba tas-single il-ġdida, Joseph qal li l-bażi tal-kanzunetta ħareġ biha hu. Imbagħad flimkien addattawha għall-vuċi ta’ Remy Azzopardi, il-kantant il-ġdid tal-band, filwaqt li min-naħa tiegħu, Luke ikkontribwixxa aktar mil-lat tal-produzzjoni tal-kanzunetta.

Remy qal kif minħabba l-pandemija, il-ħsieb tal-music video kellu jinbidel u jkun pospost għal xi żmien. Qal li meta l-miżuri bdew jiġu rilassati, kienu ddeċidew li jagħmlu filming sempliċi fejn kull ma kien hemm bżonn li jidhru fih kien il-membri tal-band u żewġ żeffiena.

Għal Remy, il-kanzunetta Hate That I Love You tfisser bidu ġdid għall-band. Qal li biha riedu juru kif il-ħoss tal-band inbidel u jħallu impatt. Spjega li issa l-band tixtieq li tkompli tibni l-mużika tagħha fuq dan l-istil.

Dwar kif il-pubbliku laqa’ din il-kanzunetta b’ħoss differenti, Joseph qal li filwaqt li għenet biex il-band tatratta grupp ġdid ta’ nies, l-ammiraturi tagħha, li ilhom isegwu l-mużika tal-band sa mill-bidu nett, ukoll laqgħu l-ħoss il-ġdid tagħhom b’mod pożittiv. Hu ammetta li kienet biża’ tagħhom li l-bażi li bnew matul is-snin jaf ma kinitx se tilqa’ l-ħoss il-ġdid sew, iżda jidher li din il-biża’ ma attwatx ruħha.

Perjodu ta’ kollaborazzjonijiet

Matul dan iż-żmien, bħal ħafna mużiċisti oħra, il-band ħadmet kemm fuq covers fejn kulħadd irrekordja l-parti tiegħu fil-kumdità ta’ daru, u anke fuq proġetti ma’ bands lokali oħrajn. Remy spjega kif wieħed mill-proġetti tagħhom kien mal-band The Busker, fejn Relikc irrekordjaw cover tal-kanzunett Love Won’t Come This Way ta’ The Busker, filwaqt li The Busker irrekordjaw il-kanzunetta Save Your Crying ta’ Relikc.

Min hu l-aktar serju u min hu l-aktar imqareb?

Il-membri tal-band preżenti tkellmu wkoll dwar l-aktar persuna serja fil-band u anke l-aktar persuna li tħobb tieħu pjaċir, xi kultant ftit iż-żejjed. Remy qal li l-premju għall-aktar wieħed serju jieħdu Joseph. Qal li fejn tidħol il-kitba tal-kanzunetti huwa dedikat ħafna. “Jaf xi jrid u jara li jasal għall-għan tiegħu,” sostna Remy.

Intant, Joseph qal li l-aktar wieħed li jħobb jieħu pjaċir huwa Ivan Giordano, il-bassist. Spjega li huwa mqareb. Spjega kif bl-aġir tiegħu jdaħħak, iżda ġieli “jkollok aptit tfajjarielu”. Spjega li għandu ħabta jibda jaqbeż u jitkellem man-nies. Irrimarka li jieħu pjaċir ħafna jdoqq miegħu.

Kif żviluppat il-band matul is-snin?

Il-band Relikc bdiet propjament fl-2007 u mbagħad ħarġet b’mod uffiċjali fl-2009. Joseph spjega kif meta daħlu l-Università bdew ifittxu kull post possibbli fejn setgħu jdoqqu u anke bdew jiktbu l-ewwel kanzunetti tagħhom. Fl-2013 kienu rrekordjaw l-ewwel EP tagħhom bl-isem ta’ It’s Not Misspelt. Joseph qal li wara dak l-EP, bdew jaħdmu biex jiktbu album. Fl-2017 il-band ħarġet l-ewwel album tagħha bl-isem ta’ The Code of Antics. Imbagħad, lejn l-aħħar tal-2017 kien hemm tibdil fil-membri tal-band. Hawn daħlu l-kantant Remy u d-drummer il-ġdid Martin Caruana.

Dwar kif ħassu li daħal f’band diġà stabbilità, Remy ammetta li għall-bidu din kienet xi ftit ta’ sfida. Qal li l-band kienet stabbilità u magħrufa għal ċertu stil ta’ mużika. Meta daħal hu, il-vuċi tiegħu kienet differenti minn dik tal-kantant preċedenti, u minn hemm kien hemm bżonn li jgħaddu minn perjodu fejn jiskopru lil xulxin u jaħdmu biex jinkorporaw il-vuċi tiegħu u l-istil tal-band. Qal li minn hemm marru għal stil ta’ mużika aktar pop.

Filmati: Miguela Xuereb