Filmat: Il-Bambin ġie bħala tarbija biex jgħallimna kif inħobbu – Il-Papa

Read in English.

Il-Papa Franġisku qal li Alla bagħat lil ibnu Ġesù Bambin bħala tarbija għax it-tfal jistgħu jgħallmuna kif inħobbu, u għax bit-twelid tiegħu jirnexxilna nġeddu lilna nfusna ta’ kull sena.

Dan kien il-kliem tal-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa ta’ lejlet il-Milied. Minħabba l-miżuri kontra l-coronavirus, peress li fl-Italja hemm lockdown, fil-Bażilika ta’ San Pietru bilkemm kien hemm nies. Miljuni ta’ nies, iżda, segwew iċ-ċerimonja online, fuq it-televixin jew fuq ir-radju.

Il-quddiesa normalment tiġi ċċelebrata fl-10pm, iżda din is-sena saret fis-7.30pm minħabba r-restrizzjonijiet kontra l-Covid-19.

Il-Papa qal li l-miġja ta’ Ġesù bħala tarbija żgħira u vulnerabbli ma tassiguraniex biss mill-imħabba t’Alla, imma għandha tispira lin-nies biex jieħdu ħsieb lill-foqra u lil dawk fil-bżonn.

L-omelija ffukat fuq x’jgħid il-ktieb ta’ Iżaaija fil-Bibbja, li tarbija titwieled għalina, iben jingħata lilna. Il-Papa fisser kif l-immaġni ta’ tifel u l-imħabba u l-paċenzja li jirrikjedi, mhux biss iġġiegħel lin-nies iħossuhom maħbubin imma tista’ tgħallimhom ukoll kif iħobbu. Skont il-Papa, Alla twieled tarbija biex jinkoraġġina biex nieħdu ħsieb xulxin. L-imħabba tiegħu tfakkarna li żmienna m’għandniex inqattgħuh nitħassru lilna nfusna, imma nkunu ta’ kuraġġ għal dawk li qegħdin ibatu.

Fuq vena simili ta’ dik tal-Arċisqof fl-omelija tiegħu fil-quddiesa ta’ nofsillejl, il-Papa spjega li Ġesù twieled fil-faqar biex jurina li meta ngħinu lill-foqra, inkunu qed nuru mħabbitna lejh.

Il-Papa fisser li xejn li nagħmlu ma jista’ jagħmilna denji tar-rigal li tana Alla – lil ibnu stess, li huwa l-ferħ kollu tiegħu, imma hija l-imħabba tiegħu lejn il-bnedmin, li qatt ma ċċedi, li wasslitu biex jagħtina lil ibnu.

Issokta jgħid li minħabba l-imħabba infinita ta’ Alla lejna, Ġesù twieled mhux ġo palazz, imma fil-faqar, vulnerabbli u dgħajjef, bħalma titwieled kull tarbija oħra, sabiex inkunu nistgħu naċċettaw id-dgħufijiet tagħna bi mħabba tenera.

Il-Papa temm l-omelija b’talba lis-Salvatur imwieled: “Ġesù, inti t-Tarbija li tagħmel lili tarbija. Tħobbni kif jien, mhux kif nimmaġina lili nnifsi. Billi nħaddan lilek, inkun qed inħaddan lil ħajti. Billi nilqa’ lilek, inkun qed nixtieq ukoll li nagħti ħajti. Inti, Salvatur tiegħi, għallimni kif inservi. Inti li ma ħallejtnix waħdi, għinni nfarraġ lil ħutek, għax mil-lum ‘il quddiem, huma ħuti wkoll.”