Filmat: “Iktar minn 40% ta’ City Centre se jkun aċċessibbli għall-pubbliku” – Arthur Gauci, CEO Grupp db

Kontenut sponsorjat

Arthur Gauci, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp db tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar il-proġett City Centre f’Pembroke, fejn spjega li dan il-proġett se jolqot it-turiżmu 5-star imma b’vibe speċifiku.

Dwar dawk li kellhom dubji dwar dan il-proġett, Gauci qal: “Proġett kbir ta’ din in-natura, dejjem se jkollok min jopponi, ikollok min jopponi b’mod oġġettiv u jkollu raġunijiet validi, ikollok min huwa la favur u lanqas kontra, u jkollok min irid ċertu żvilupp ekonomiku u allura jkun favur din in-natura ta’ proġetti. Aħna pprovajna kemm jista’ jkun nindirizzaw dak kollu li ġie b’mod oġġettiv issuġġerit lilna. U għamilna tibdiliet kbar.”

Gauci stqarr li l-iżvilupp naqqas 25% minn dak li kien previst fl-ewwel applikazzjoni. Kompla jgħid li l-għoli tat-torri issa naqas b’seba’ sulari (31 metru) u żiedu wkoll il-partijiet miftuħa għan-nies.

Skont Gauci, iktar minn 40% tal-art se tkun aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr restrizzjonijiet.

Hu qal li l-proġett mhux se jkun ta’ theddida għas-siti ta’ Natura 2000 jew għall-Għar Ħarq Ħamiem.

“Illum, wara li smajna ċertu kritika, il-bini tal-ITS lanqas se mmissuh,” qal Gauci, li kompla jgħid li se jsir xogħol ta’ renovazzjoni biex jiġi jidher kif kien fl-imgħoddi.