Filmat: Ikompli jsalva il-ħajjiet; 3 miżmuma minn Malta

Il-bastiment Aquarius telaq minn Malta filwaqt li tliet vapuri oħra li jsalvaw l-immigranti għadhom miżmuma mill-awtoritajiet.

Filmat tal-Mission Lifeline li kiseb Newsbook.com.mt juri lill-bastiment Aquarius jitlaq mill-Isla. Fuq Twitter, l-għaqda qalet li tirrikonoxxi l-irwol li kellhom l-awtoritajiet Maltin li offrew post sigur biex ikunu jistgħu jinżlu fih l-immigranti. Qalet li hemm bżonn aktar progress biex jiġi implimentat mudell ta’ riċerka u salvataġġ biex tissolva din il-kriżi umanitarja.

Ilbieraħ waranofsinhar daħal Malta l-bastiment Aquarius li fuqu kien hemm 141 persuna, 97 minnhom irġiel u 44 nisa. Kien hemm 38 tifel u tifla taħt il-15-il sena, uħud bla ġenituri. L-immigranti kienu kuntenti ħafna li fl-aħħar se jiġu salvati u bdew ikantaw. L-għaqdiet mhux governattivi Médecins Sans Frontières (MSF) u SOS Mediterranee joperaw il-bastiment Aquarius li jaħdem fit-taqsima tat-tfittxija u salvataġġ ċivili.

Tliet vapuri ta’ għaqdiet li jsalvaw lill-immigranti għadhom miżmuma f’Malta. L-MV Lifeline huwa parti minn inkjesta, filwaqt li Seafuchs u Sea-Watch Vessel 3 qed jiġu blukkati.

Filmat: Mission Lifeline