Filmat: “Ikollu jitlaq jekk ma jirnexxix fl-elezzjoni li jmiss” – Arrigo

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo qal li jekk Adrian Delia ma jirnexxix fl-elezzjoni li jmiss, billi l-Partit Nazzjonalista jkollu telfa, Delia jkollu jitlaq minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Dan qalu Arrigo lill-ġurnalisti ftit wara li l-President George Vella ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li ma jneħħix lil Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni.

Mil-laqgħat li kellu l-President mal-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni, 16 iddikjaraw li m’għadx għandhom fiduċja f’Delia bħala Kap, filwaqt li 11-il persuna esprimew il-fiduċja tagħhom fih, inkluż Delia nnifsu. L-MP Stephen Spiteri ddeċieda li jastjeni.

Dan il-proċess ta’ laqgħat skatta wara li ttieħed vot ta’ fiduċja li Delia tilef il-ġimgħa li għaddiet, u mbagħad id-Deputati Claudette Buttigieg u Chris Said avviċinaw lill-President bin-nomina ta’ Therese Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni ġdid.

Arrigo stqarr li l-Oppożizzjoni ħliet tliet snin tiġġieled dwar il-Kap tagħha, peress li Delia ma ġiex aċċettat mill-ewwel jum. Huwa fiehem li hu ma kienx ivvota lilu għal Kap, iżda fil-fehma tiegħu, wieħed ma jistax imur kontra l-mexxej tiegħu. Sostna li dawn mhumiex affarijiet li jsiru, li nies imorru kontra l-Kostituzzjoni jew jiksru l-istatut. Għalih, hija loġika li Delia jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni.

Ftit qabel tħabbret din id-deċiżjoni tal-President, Delia qal lill-ġurnalisti li mhux beħsiebu jieħu azzjoni kontra l-Membri Parlamentari li sfiduċjawh. Min-naħa tagħhom, dawn l-MPs ħarġu stqarrija li fiha qalu li beħsiebhom ikomplu jaħdmu favur Malta u favur il-Partit Nazzjonalista. Therese Comodini Cachia qalet li beħsiebha tibqa’ sservi, u hija inkoraġġita mill-appoġġ li sabet u l-għaqda li rnexxielha tikseb fi ħdan il-partit f’dawn l-aħħar ġranet.

Filmat: Monique Agius