Filmat: Ikissru karozzi pparkjati għall-gost

Filmat li qed idur fil-midja soċjali juri tliet ġuvintur iwettqu atti vandali billi jkissru vetturi pparkjati.
Fil-filmat li ttieħed fil-lejl bejn it-Tnejn u t-Tlieta fi Triq il-Ħemel fis-Swieqi, tliet ġuvintur li bdew jitkellmu bil-Malti jidhru jivvandaliżżaw minn tal-inqas żewġ karozzi pparkjati mingħajr l-ebda raġuni.
Mhux eskluż li kienu taħt l-effett tal-alkoħol, hekk kif wieħed minnhom jidher qed iġorr tazzi f’idejh.
Każi bħal dawn li qed jiġru ta’ sikwit minn żgħażagħ Maltin u barranin li jiffrekwentaw Paceville fi tmiem il-ġimgħa qed iwasslu għal rabja kbira fost ir-residenti fil-lokalitajiet tal-madwar bħal Pembroke u s-Swieqi.
L-għases tal-Pulizija f’San Ġiljan u s-Swieqi jirċievu bosta rapporti ta’ vandaliżmu fuq il-propjetà u l-vetturi tar-residenti.
Fil-midja soċjali kien hemm min ippropona li għandha ssir petizzjoni u jekk ikun hemm bżonn protesta fit-toroq biex tissaħħaħ il-preżenza tal-Pulizija.