Filmat: Iħalli kelb marbut ma’ arblu għax tas-santwarju ma kellhomx post

Is-Santwarju ta’ Noah’s Ark tella’ post fuq Facebook dwar inċident fejn raġel allegatament rabat kelb ma arblu u abbandunah f’xemx taqli l-ankri wara li qalulu li s-santwarju m’għandux aktar post għall-klieb.

Wara li ma aċċetawx li jżommuh, ir-raġel rabat il-kelb u deher jiġri lejn il-van li kien ġie bih. Is-santwarju qal li r-raġel qalilhom li sab il-kelb fit-triq, imma s-sid ta’ fejn joqgħod ma ħalliehx iżomm il-kelb fl-appartament tiegħu. Is-santwarju żied jgħid li qalilhom li l-Animal Welfare kienet bagħtitu għandhom.

Grupp ieħor fuq Facebook qed tipprova tidentifika l-persuna hekk kif fuq ir-ritratt jidher li kien liebes uniformi ta’ xi kumpanija, li tikkonsisti minn flokk aħmar bl-ittra ‘F’ fuq il-but in-naħa tax-xellug.

Huwa maħsub li l-kelb issa qiegħed fil-kura tas-santwarju stess.