Filmat: Iġġudikawni minħabba l-awtiżmu; rajtha sfida biex nikber – Blaine

Read in English.

Minkejja li jinsab fuq l-ispettru tal-awtiżmu, Blaine Schembri, li għandu 25 sena, imur għax-xogħol ta’ kuljum u għandu l-passjonijiet tiegħu bħal kwalunkwe persuna oħra.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Blaine tkellem kif fil-passat, meta kien iżgħar u kien hawn inqas għarfien fuq l-awtiżmu, ġieli kien jiġi ġġudikat fl-iskola. Spjega li din primarjament minħabba li d-diżabiltà tiegħu hija inviżibbli. Qal li filwaqt li jkun hemm min forsi jara din bħala xi ħaġa negattiva, hu ddeċieda li jħares lejha bħala sfida li tgħinu jikber u jimmatura. Tant, li llum il-ġurnata, Blaine jaħdem ma’ persuni bħalu li forsi matul ħajjithom isibu ruħhom f’diffikultà. Flimkien ma’ żewġ persuni oħra, Blaine jaħdem mal-Office for Disability Issues.

“Min irabbi persuna bl-awtiżmu jrid ikollu dixxiplina”

Hu u jitkellem ma’ Newsbook.com.mt, Blaine qal li meta xi ħadd ikollu jrabbi lil xi ħadd fuq l-ispettru tal-awtiżmu, irid ikun dixxiplinat u ddedikat. Qal li persuni bħalu jbagħtu ftit, speċjalment f’każijiet ta’ sensory overload. Qal li minkejja li ġieli jkun xi ftit diffiċli biex wieħed jieħu ħsieb persuna bl-awtiżmu, jekk wieħed jiddedika l-ħin u l-paċenzja, dawn kapaċi jiżviluppaw f’persuni intelliġenti bħal ħaddieħor.

Mistoqsi jispjega xi tfisser sensory overload, Blaine qal li din hija meta jkun hemm ħafna storbju, meta jiġru ħafna affarijiet f’daqqa li persuna fuq l-ispettru tal-awtiżmu ma tkunx tista’ tipproċessa faċilment. Qal li filwaqt li hawn min hu kapaċi ma jagħtix kas il-ġenn li jkun għaddej fil-madwar, hemm persuni oħrajn li jħossuha diffiċli li jipproċessaw ċertu affarijiet u minħabba f’hekk jitħawdu.

“Nies bħali jkunu kreattivi ħafna fl-affarijiet li jagħmlu”

Blaine sostna li l-fatt li hu fuq l-ispettru tal-awtiżmu, iwasslu sabiex jaħseb, jitkellem u jħares lejn id-dinja b’mod differenti minn persuni li m’humiex fuq l-ispettru. Qal iżda li hu dejjem jara li jħares lejn id-dinja b’mod pożittiv. Qal li nies fuq l-ispettru tal-awtiżmu huma kreattivi ħafna fl-affarijiet li jagħmlu.

Il-videogames huma l-passjoni ta’ Blaine

Meta wieħed jidħol fil-kamra ta’ Blaine, jinduna mill-ewwel l-imħabba li għandu għal-logħob diġitali. Hu spjega li ilu jilgħab il-logħob tal-playstation minn meta kellu sentejn. Irrimarka li l-ewwel darba li qabad controller f’idejh u lagħab l-ewwel logħba, induna li din kienet se tkun il-passjoni tiegħu. Matul is-snin hu kabbar il-librerija tal-logħob tiegħu u anke apparat ta’ logħob diġitali differenti bħall-Playstation, X-Box, Nintendo u kompjuter tal-gaming.

Magħżul għall-proġett fotografiku tas-CRPD

Blaine huwa wieħed mill-persuni li pparteċipaw fi proġett fotografiku tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) bl-isem ta’ Different is Normal. Is-CRPD kkummissjonat serje ta’ 12-il ritratt ta’ dawn il-persuni li għandhom diżabilitajiet differenti fosthom spina bifida, problemi bis-smigħ u l-vista tal-għajnejn, ADHD, awtiżmu u down syndrome. Huma qed jagħmlu numru ta’ attivitajiet differenti, bħat-teatru, żfin, logħob, bowling, għawn, fost oħrajn. Ir-ritratti ttieħdu mill-fotografu Darren Zammit Lupi u flimkien jirrappreżentaw l-aspirazzjonijiet ta’ dawn il-persuni.

Blaine spjega li hu eċitat li ntgħażel għal dan il-proġett. Qal li ħass li din kienet opportunità għalih biex juri eżatt kif persuna fuq l-ispettru tal-awtiżmu tista’ tinbidel, tikber u tintgħażel għal proġett tat-tip.

Spjega li l-kliem “Different is Normal” għalih ifissru li kulħadd huwa l-istess. Qal li d-differenza tibda mill-mod kif kulħadd iħares lejn xulxin. Qal li kulħadd huwa differenti. Huwa kompla billi ħeġġeġ lil kulħadd sabiex meta jkollhom passjoni, xi ħaġa li huma vera eċitati fuqha, ma jħallu lil ħadd iwaqqafhom milli jagħmlu dak li jħobbu. Sostna li l-importanti huwa li wieħed jieħu gost b’dak li qed jagħmel u jagħmlu minn qalbu.

X’hemm bżonn jinbidel f’Malta?

Xi affarijiet li jaħseb li jista’ jsir xogħol fuqhom f’Malta jinkludu li jkun hemm aktar kontroll fuq storbju eżaġerat f’żoni li għandhom popolazzjoni kbira. Qal li ħafna drabi, ċertu żoni jkunu bieżla u kaotiċi. Qal li hu mdorri f’dawn iċ-ċirkustanzi imma hemm persuni oħrajn li ma jissaportuhomx.

Spjega li xi ħaġa oħra li hija tajba ħafna għal persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu hija meta binjiet u kmamar jiżżejnu b’aktar kuluri. Qal li xi ħaġa bħal din tgħin biex taqbad l-attenzjoni ta’ nies, partikolarment tfal, li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Qal li jekk mal-ħitan ikun hemm ukoll impenġija xi karattri tal-cartoons magħrufa, dawn il-persuni jħossuhom aktar “at home”. Qal li ambjent tat-tip jgħinhom iħossuhom aktar liberi u kunfidenti fihom innifishom.

Filmat: Miguela Xuereb