Filmat: Iffirmata dikjarazzjoni ta’ koperazzjoni ekonomika mal-Montenegro

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mal-Prim Ministru tal-Montenegro Milo Djukanovic fejn ġew diskussi oqsma ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u l-investiment Malti fil-qasam tal-enerġija fil-Montenegro.
Fi tmiem id-diskussjonijiet, il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi u l-Ministru għall-Ekonomija tal-Montenegro Vladimir Kavaric iffirmaw dikjarazzjoni ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-investiment Malti f'wind farms fil-Montenegro huwa l-ewwel investiment internazzjonali ta’ Malta fi snin twal.
Qal li dan il-proġett se jipprovdi 3% tal-enerġija rinnovabbli tal-Montenegro.
Joseph Muscat qal li apparti l-qasam tal-enerġija, Malta qed tistabbilixxi ruħha bħala ċentru ta’ edukazzjoni fl-oqsma tat-turiżmu u s-saħħa permezz tal-proġett ta’ titjib tal-ITS, l-iskola medika tal-Università ta’ Malta u l-investiment ta’ skola medika f'Għawdex.
Qal li dawn huma oqsma ta’ koperazzjoni li Malta tista’ toffri lil Montenegro.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Djukanovic qal li l-Montenegro se tara li l-investiment f'wind farms fil-pajjiż ikun suċċess.
Qal ukoll li Malta huwa pajjiż li miegħu Montenegro tista’ tiftaħ oqsma ta’ koperazzjoni ġodda u jqis li Malta mhux pajjiż kompetitur iżda pajjiż li jikkumplimenta lill-Montenegro.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li Malta tinsab favur is-sħubija tal-Montenegro fl-Unjoni Ewropea u se tkun qed turi dan l-appoġġ fid-diskussjonijiet li għandhom iwasslu għal tkabbir tal-Unjoni Ewropea.

Filmat u ritratti: DOI – Omar Camilleri