Filmat: Ifaqqsu 16-il fekruna oħra fil-bajja tal-Għadira

Read in English.

Faqqsu 16-il fekruna oħra fil-bajja tal-Għadira fil-Mellieħa lbieraħ filgħaxija. Fi stqarrija, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), qalet li dawn ħarġu mill-bejta għall-ħabta tad-9.30pm ilbieraħ. Il-bejta kienet instabet lura f’Lulju li għadda.

Intant, fil-jiem li ġejjin, se jkompli jsir monitoraġġ tal-bejta hekk kif mistennija jfaqqsu aktar fkieren.

Voluntiera u ħaddiema tan-Nature Trust – FEE Malta (NTM) kienu preżenti u immedjatament informaw lill-Awtorità b’dak li kien qed isir. Huma ħadu azzjoni immedjata biex jiggwidaw lill-fkieren lejn il-baħar.

Meta jfaqqsu, il-fkieren immedjatment ikunu attrattati lejn id-dawl tal-qamar li jkun qed jirrifletti fuq il-wiċċ tal-baħar. L-ewwel rispons malli jfaqqsu mill-bajda huwa li jgħumu lejn id-dawl. Minħabba f’hekk, l-ERA ħadmet biex tnaqqas l-impatt tad-dawl artifiċjli u telimina kull oġġett fil-bajja li jista’ jgerfex lill-fkieren fil-vjaġġ tagħhom lejn il-baħar.