Filmat: Ifaqqsu 11-il fekruna oħra fir-Ramla l-Ħamra

Tul il-lejl faqqsu 11-il fekruna oħra fir-Ramla l-Ħamra wara li l-lejl ta’ qabel kienu diġà faqqsu 62 fekruna.

Dan ħabbritu l-għaqda Nature Trust fuq Facebook.

B’hekk issa b’kollox faqqsu 73 fekruna mill-bajd li biedet fekruna fil-bajja Għawdxija fil-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju. Xi ħaġa bħal din kienet ilha ma sseħħ f’Għawdex għal 70 sena.

Meta faqqsu l-11-il fekruna oħra l-lejl li għadda, kien hemm preżenti uffiċjali mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u voluntiera tal-NGO Nature Trust li żguraw li l-fkieren jaslu sal-baħar qawwijin u sħaħ.

Dan is-sajf f’Malta żewġ fkieren bejtu f’żewġ bajjiet oħra: waħda fil-Bajja tal-Mixquqa u l-oħra fl-Għadira. Għadd ta’ voluntiera qegħdin joqogħdu għassa ma’ dawn il-bejtiet sabiex jaraw li l-fkieren ikunu siguri meta jfaqqsu.