Filmat: Ifakkar li l-Gvern impenjat li jsolvi l-każ ta’ Daphne

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela fakkar li wara l-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia, il-Gvern Malti kien iddikjara l-impenn tiegħu li jagħmel dak kollu possibbli biex dan il-każ makabru jissolva.
Waqt l-24 laqgħa annwali tal-Kunsill Ministerjali tal-OSCE, il-Ministru rrapporta li wara ġimgħat ta’ ħidma, nhar it-Tnejn ġew arrestati għaxar persuni, filwaqt li t-Tlieta tlett irġiel ġew mixlija fil-Qorti b’dan il-qtil.
Meta għamel referenza għall-20 anniversarju tal-mandat tar-Rappreżentant tal-OSCE dwar il-Libertà tal-Medja, il-Ministru Abela qal li Malta tappoġġja dan il-mandat. Qal li Malta se tkompli taħdem mill-qrib mar-Rappreżentant, li dan l-aħħar innota ż-żieda qawwija fil-każijiet ta’ intimidazzjoni u ta’ fastidju lil ġurnalisti nisa.
Fl-istqarrija, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li f’aktar minn 90% ta’ każi ta’ vjolenza kontra l-ġurnalisti fir-reġjun tal-OSCE, min jippjana u min iwettaq il-vjolenza għad irid jinġieb quddiem il-ġustizzja.
Iffirmat ftehim mal-Armenja dwar il-kultura
F’laqgħa bilaterali li saret bejn il-Ministru Malti u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Armenja Eduard Nalbandyan, ġie ffirmat ftehim bilaterali ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-kultura.
Il-Ministru Abela rrimarka li l-Gvern Malti jinnota b’sodisfazzjon it-tkabbir riċenti fir-relazzjonijiet kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi u esprima l-konvinzjoni tiegħu li dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali.
Malta tinsisti għal Rappreżentant Speċjali tal-OSCE għall-Mediterran
Il-Ministru Abela tenna l-ħtieġa li jinħatar Rappreżentant Speċjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (l-OSCE) għall-Mediterran.
Il-Ministru qal dan meta insista li ma jistax ikun hemm sigurtà fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm sigurtà fil-Mediterran.
Il-Laqgħa tal-Kunsill Ministerjali ġġib flimkien lill-ministri tal-affarijiet barranin tas-57 stat parteċipant fl-OSCE biex jagħtu kont tal-ħidma tal-organizzazzjoni filwaqt li jaqblu dwar il-mandat tagħha għas-sena ta’ wara, qed tiltaqa’ fil-kapitali Awstrijaka, fi Vjenna.