Aġġornata (3): Filmat ieħor dwar Toni Abela: jinstema’ jsemmi “blokka bajda”

Fuq YouTube ħareġ filmat ieħor b’silta oħra mill-konverżazzjoni rrikordjata bejn d-Deputat Mexxej Laburista Dr Toni Abela u kumitat tal-Partit Laburista li saret fl-2010.

Fir-rekording Toni Abela jinstema’ isemmi każ meta keċċa president ta’ każin tal-Partit Laburista għaliex xi ħadd kien qed “iqatta’ blokka bajda” fil-każin.

Allegatament “il-blokka bajda” hi referiment għad-droga.

Dr Toni Abela jinstema’ jgħid li keċċa lil dan il-president tal-każin biex ma jagħmilx rapport l-għassa u dan il-president jiġi fl-inkwiet.

Id-Deputat Mexxej qal ukoll li kien l-istess president tal-każin li “qabad it-trab u tefgħu kollu fiż-żibel” u kkanċella l-prova li kien hemm.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li lbieraħ filgħaxija Dr Toni Abela ta dikjarazzjoni lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar rekording li kien ilu għand il-Pulizija mill-2010.

Il-Kummissarju tal-Pulizija semma lil Dr Abela parti mir-rekording li għadha ma xxandritx mill-Partit Nazzjonalista.

Il-Kummissarju informa lil Dr Abela li ma kienx hemm każ. Ir-recordings ilhom għand il-Kummissarju tal-Pulizija għal sentejn u nofs sħaħ.

Fi stqarrija li bagħat Dr Toni Abela qal li fid-diskursata rrikordjata hu deher biċ-ċar li ma kienx let jaċċetta ebda attivitajiet suspettużi fiċ-ċentri tal-Partit Laburista u bħala eżempju semma każ (il-filmat t’hawn fuq) ta’ suspett ta’ attività legali.

B’reazzjoni għar-rekordings dwar id-Deputat Mexxej Laburista, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li dawn huma xokkanti u r-reazzjoni tal-Partit Laburista hi skandaluża.

Il-Partit Nazzjonalista qal li Dr Toni Abela għażel li jagħlaq għajnejh u ma jieħux azzjoni biex ma jagħmilx ħsara lill-Partit Laburista. Qal li ddefenda lil min ħammeġ idejh bil-blokka tad-droga. Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li Dr Abela għatta illegalità u l-Partit Laburista qed jiddefendieh.