Filmat: IDWK – il-vidjow il-ġdid ta’ Kevin Paul

Illum Kevin Paul irritorna b’kanzunetta oriġinali oħra li kiteb huwa stess, bil-produzzjoni ta’ Siconix. It-titlu huwa IDWK – I don’t wanna know,  u hija silta bi stil daqxejn differenti minn li mdorrijien nisimgħu lil Kevin fih, iżda xorta fiha melodijja fejn joħroġ t-timbru tal-vuci tieghu. Il-lirika flimkien mal-melodijja tal-vuċi li ġew miktubin minn Kevin stess iduru mal-imħabba u r-rispett lejk nnifsek meta tkun f’relazzjoni fejn tkun qed tagħti iktar milli tkun qed tieħu, imbagħad jasal dak il-mument fejn tirrealizza li ħaqqek iktar minn hekk, li ma tridx tisma’ iżjed skużi u tiddeċiedi li tagħżel lilek nnifsek.

IDWK ġiet mnedijja flimkien ma’ vidjow mużikali li ġie maħdum fuq id-direzzjoni ta’ Steven Levi Vella, direttur li huwa magħruf għall-filmati artistiċi u l-għajn li għandu għad-dettall.

Il-kumplament tal-2019 jidher li ser iġib miegħu ħafna impenji għal Kevin Paul bi prestazzjonijiet skedati kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna kif ukoll xogħol fuq kollaborazzjonijiet ma’ artisti oħrajn bħala awtur u kompożitur.

Qabel din is-silta li nħarġet proprju llum, huwa kellu numru ta’ siltiet covers u kollaborazzjoni ma’ Shedona flimkien ma’ Gaia Cauchi, lura f’Marzu iddebutta l-ewwel silta oriġinali tiegħu bl-isem ta’ One li kienet ittra ta’ mħabba lill-eks maħbuba tieghu. One kisbet suċċess fuq l-istazzjonijiet tar-radju u Kevin issa sar isem familjari mal-pubbliku u l-ammiraturi jkomplu jiżdiedu.

Żommu ruħkom infurmati dwar dak kollhu li għandu pjanat Kevin billi żżuru l-pagni socjali tieghu fuq Facebook u Instagram.