Filmat: Id-dwana teqred eluf ta’ żraben tal-kuntrabandu

F’inqas minn għaxar xhur, uffiċjali tad-Dwana rnexxielhom jaqbdu iżjed minn 96,000 par żarbun tal-kuntrabandu.
Ilbieraħ, id-Dwana qerdet ftit aktar minn 500 kaxxa żraben fuq deċiżjoni tal-Qorti li tiġġieled il-kuntrabandu.
Fi stqarrija, id-Dwana saħqet li minkejja li l-popolazzjoni ta’ Malta hija żgħira, din is-sena qabdet eluf ta’ oġġetti importati lejn Malta u li kienu frott ta’ kuntrabandu.
Spjegat li dawn l-affarijiet mhux biss huma ta’ theddida fuq is-saħħa tal-konsumatur minħabba l-materjal u l-kimiċi użati, iżda jekk ma tiħux passi tkun qed tpoġġi f’riskju impjiegi ta’ ħafna nies u fost oħrajn tippromovi x-xogħol tat-tfal.
Apparti ż-żraben, fost oħrajn, id-dwana kkonfiskat:

  • 4,800 covers tal-mobile
  • 1,697 parts tal-karozzi
  • 10.5 miljun sigarett
  • 7,670 arloġġ tal-idejn
  • 23,550 qalziet tat-track suit.

 Intant, ix-xahar id-dieħel, se jkun qed jasal scanner ġdid għall-kontejners li se jgħin lid-Dwana żżid ir-ritmu tagħha u tkisser is-suq tal-kuntrabandu.

Filmat: Dipartiment tad-Dwana