Read in English.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li hu ordna li l-memorandum tat-trasferiment tal-isptarijiet lill-Vitals Global Healthcare irid ikun instab sal-lum.
Hu qal dan hu u jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fl-MCC fil-Belt Valletta. Hu qal li ma jistax jikkonferma kif intilef dan id-dokument iżda jista’ jikkonferma li wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali, hu ta direzzjoni ċara li dak id-dokument irid jinstab. Sostna li dan irid jinstab sal-lum.
Fl-10 ta’ Lulju, Abela qal li l-memorandum tal-ftehim għat-trasferiment tal-isptarijiet pubbliċi lill-kumpanija privata li kienet intgħażlet ma jistax jinstab.
Meta l-ġimgħa li għaddiet, l-Awditur Ġenerali ppubblika r-rapport tiegħu fuq it-trasferiment tat-tliet sptarijiet lill-privat, il-Prim Ministru qal li ġie infurmat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur (NAO) li ħadd fil-Gvern ma seta’ jippprovdi dan id-dokument meta talbuh għall-investigazzjoni.
Il-Prim Ministru stqarr li immedjatament talab għal kopja ta’ dan id-dokument, imma ġie infurmat li huwa mitluf.
F’rapport kritiku għall-aħħar dwar it-trasferiment tat-tliet sptarijiet lil Vitals Global Healthcare (VGH), l-Awditur Ġenerali indika li l-proċess kien dubjuż, li l-Vitals kellhom jiġu skwalifikati u li kien hemm kollużjoni fil-ftehim. L-Awditur qal ukoll li attwalment ħadd ma assuma r-responsabbiltà għal din id-deċiżjoni.
Żied jgħid li l-konklużjonijiet tal-Awditur huma sinfikanti ħafna u aċċerta li se jitgħallem mill-iżbalji li saru fil-passat.