Filmat: Id-Djoċesi Għawdxija u l-komunità Anglikana jilqgħu Nsara ppersegwitati mill-Iraq

Id-Djoċesi ta’ Għawdex flimkien mal-Komunità Anglikana f’Għawdex se jkunu qed jaħdmu flimkien fi proġett li se jara grupp ta’ għoxrin student u studenta mill-Iraq, li flimkien mal-għalliema tagħhom se jżuru pajjiżna f’Ġunju li ġej.
Il-Proġett Merħba huwa tweġiba għax-xewqa tal-Papa Franġisku u anke s-sejħa tal-Isqof ta’ Għawdex, biex il-Knisja tkun aktar miftuħa biex tilqa’ u tgħin lil dawk li għandhom bżonn.
Il-grupp ta’ studenti se jkunu qed jaslu minn Erbil, fejn Fr Douglas Bazi, li kien żar pajjiżna s-sena li għaddiet, jassisti Nsara li qed jaħarbu minn bliet oħra fl-Iraq minħabba l-persekuzzjoni.
Dawn se jkunu qed joqgħodu f’appartament li d-Djoċesi Għawdxija għandha f’Marsalforn.
Kumitat li twaqqaf apposta qed iħejji programm għal dawn l-istudenti li jinkludi skabji kulturali u edukattivi u anke biex jiġbor fondi għall-ispejjeż ta’ dan il-proġett.
Fost l-oħrajn, fl-aħħar ġimgħat tnediet kampanja ta’ ġbir ta’ ram, bronż u nikil, waqt li nfetaħ ukoll kont bankarju għad-donazzjonijiet.
Waqt konferenza, l-Isqof Mario Grech qal li permezz ta’ dan il-proġett, id-Djoċesi Għawdxija se tkun qed tagħmel ċelebrazzjoni favur il-ħajja umana u anke tpoġġi fil-prattika x-xewqa tal-Papa Franġisku.
“Quddiem dramm bħal dan ma nistgħux naqgħu fil-passività,” qal Monsinjur Grech.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll il-Kanonku Simon Godfrey li huwa l-Kanċillier tal-Katidral Pro-Anglikan tal-Belt Valletta li esprima l-ferħ tiegħu u tal-Komunità Anglikana li qed tikkolabora mal-Knisja Kattolika f’Għawdex fi proġett sabiħ ta’ akkoljenza. 
Minn jixtieq jagħti donazzjoni għal dan il-proġett jista' jagħmel dan fil-kont bankarju: 2000 1776 060 (APS).