Filmat: Id-djalett ikompli jintilef…

Bosta jinsabu maħsuda bil-mewt ta’ Lino Psaila, Żejtuni li baqa’ jitkellem u jikteb id-djalett tul ħajtu kollha.
Twieled fit-28 ta’ Diċembru tal-1943 u ħadem bħala ħaddied. Lino kien ingħata Ġieħ Marsaxlokk din is- sena stess u Ġieħ iż-Żejtun fl-2012.
Kien ukoll ingħata l-Premju tad-Djalett tliet darbiet mill-Kunsill Lokali Żejtun u ħadem ħafna biex id-djalett, partikolarment dak Żejtuni, jibqa’ ħaj.
Tant kien jgħożż id-djalett Żejtuni li kiteb ktieb sħiħ bid-djalett, li kien wasal biex jiġi ppubblikat, u kiteb ukoll diversi artikli marbuta mal-bastimenti tal-gwerra u suġġetti oħra relatati mal-baħar.
Il-ktieb ‘Il-Baħar Rasu Iebsa” ta’ Lino jittratta dwar numru ta’ diżgrazzji li fihom kienu involuti għadd ta’ sajjieda Xlukkajri u Żwieten.
Lino kien ukoll magħruf għat-tajr li kien jagħmel u li ż-Żejtun magħrufin bħala manuċċi (ritratti). Diversi kunsilli lokali spiss kienu jistednuh biex jieħu sehem f’attivitajiet edukattivi b’rabta ma' kif isiru l-manuċċi.
Newsbook.com.mt kien intervista lil Lino u lil Gorġ dwar id-djalett. Ta’ min tara l-filmat u tapprezza d-diversità fid-djalett Malti.
Strieħ fis-sliem Lino.