Filmat: Id-diżabilità mhux se twaqqafhom milli jirbħu midalji Olimpiċi

Bejn id-19 u l-21 ta’ Settembru li ġej, grupp ta’ 37 żagħżugħ Malti, li għandhom diżabilità intelletwali, se jkunu qed jirrapreżentaw lill-Malta fl-Ispecial Olympics għall-pajjiżi Ewropej fil-Belġju.
Newsbook.com.mt żar lill-atleti għawwiema waqt waħda mis-sessjoni ta’ taħriġ fil-pixxina nazzjonali tal-Qroqq.
Joyce Orland, waħda mill-voluntiera tal-Ispecial Olympics Malta, spjegat li ż-żgħażagħ ilhom ġimgħat twal għaddejin b’taħriġ intensiv u minkejja li għandhom diżabilità huma eċitati bħal kull atleta ieħor.
Għalkemm ma jafux ma min se jilgħabu, Orland qalet li l-voluntiera u l-atleti qed jagħmlu l-almu kollu u tinsab konvinta li se jġibu l-midalji għal Malta.
Joyce Orland mhux minn dejjem kienet voluntiera, imma għal żmien twil kienet plejer tal-basketball, saħansitra kienet tilgħab man-nazzjonal.
Spjegat li l-Ispecial Olympics ma tantx isibu volontiera u hi xtaqet li tagħti l-għajnuna tagħha. Ix-xewqa tagħha hija li ‘l quddiem tifforma tijm tal-basketball biex jieħu sehem f’dan il-logħob.
L-għan tal-Ispecial Olympics huwa li jinvolvi tfal u żgħażagħ b’diżabilità intelletwali f’dixxiplini ta’ sports li jkunu addatati għalihom.
Joyce Orland saħqet li l-grupp ikollu jaffaċja diversi diffikultajiet. Fost dawn semmiet in-nuqqas ta’ voluntiera u anke li mhux dejjem ikollhom binjiet fejn jagħmlu t-taħriġ.
Jekk trid aktar informazzjoni jew tgħin lill-Ispecial Olympics Group tista’ żżur il-paġna ta’ facebook Special Olympics Malta.

Filmat: Reel8 productions