Filmat: “Kont qed ngħum il-Balluta, ksirt ix-xewka ta’ dahri”

“L-isfortuna li sofrejt u d-diżabbiltà li rriżultat minnha għallmitni ħafna kwalitajiet sbieħ dwar il-familja tiegħi”.
Dawn kienu wħud mill-kummenti li Tonio ta meta kien qed jikkummenta dwar l-esperjenza tiegħu f’wieħed miċ-ċentri tad-Dar tal-Providenza, li llum jinsab fih.
Tonio jirrakkonta kif meta kellu 14-il sena biss kiser ix-xewka ta’ dahru qrib għonqu, u spiċċa b’diżabbiltà permanenti.
Huwa kien qed jgħum il-Balluta, meta qabeż fil-baħar u ħabat rasu mal-qiegħ.
Minkejja li dan il-bniedem kien qed jiddeskrivi avveniment bikri f’ħajtu li bidilihielu mil-lejl għan-nhar, Tonio rrefera għall-attitudni komuni li jinnota ta’ spiss madwaru, “Jinqalgħu problemi u nkabbruhom, anki dawk żgħar. Imbagħad jgħaddi ż-żmien, tħares lura, u tistaqsi lilek innifsek għaliex kabbart dak li ma kellekx għalfejn tkabbar”.
Tonio rrimarka li llum jinsab kunfidenti miegħu nnifsu, għax bit-teknoloġija jista’ jimla l-vojt li d-diżabbiltà ħallietlu. Iżid jgħid li t-teknoloġija għallmitu li minn kull żvantaġġ jista’ jwarrad vantaġġ.
Il-ħolm ta’ Tonio ma jiqafx
Wieħed min-namur ta’ Tonio huwa l-ajruplani. Semma kif jaqra kuljum dwarhom, u kull meta jkun jista’ jattendi għal attivitajiet li jkunu jinkludu l-ajruplani, isiefer f’mużewijiet u jattendi taħditiet.
Jgħid li jibqa’ jiftakar meta fl-2015 kien siefer l-Iskozja ma’ ħutu, ommu u n-neputijiet tiegħu.
Is-safra kien organizzaha hu mill-bidu sal-aħħar, u kien irnexxielu jitla’ fi glider.
Dik is-sena wkoll waqt programm ta’ Joseph Chetcuti kienu għamlului sorpriża ħbiebu u tela’ f’microlight.
L-esperjenza fid-Dar tal-Providenza
Tonio ilu għal dawn l-aħħar 4 snin jgħix fl-Akwarell tad-Dar tal-Providenza, u jaċċenna għall-ħajja soċjali li għandu hemmhekk.
“Ġieli mmorru nieħdu drink jew xi ħaġa minn xi mkien. Qed ngħixu f’komunità hawnhekk”.
Itemm jgħid li l-ħaddiema fid-Dar tal-Providenza jagħmlu l-almu tagħhom sabiex hu jgħix b’mod indipendenti kemm jista’ jkun, u jibqa’ jgħixha kif jixtieq.
“Din xi ħaġa li nħoss hawnhekk, li għandi l-libertà u nista’ nkun liberu”.
Kun inti ukoll parti mill-providenza nhar l-Ewwel tas-Sena billi tagħti donazzjoni għall-Festa ta’ Ġenerożità li se tgħin lir-residenti tad-Dar tal-Providenza biex ikollhom ħajja aktar indipendenti.
Għal donazzjoni ta’:
€10 ċempel fuq 516 02 012
€15 ċempel fuq 517 02 013
€25 ċempel fuq 518 02 014
Ara wkoll l-esperjenza ta' Christineta' Ninu ta' Sor Gesuina